Għada tibda l-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u r-referendum

Votanti li ddikjaraw li fil-11 ta’ April se jkunu msiefra jew rikoverati fi sptar u għalhekk mhux se jkun possibbli jivvutaw fir-referendum dwear il-kaċċa fir-rebbiegħa u fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għada għandhom ċans jivvutaw fil-kumpless tal-għadd tal-voti fin-Naxxar bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija. Jistgħu jivvutaw biss għada l-votanti li fil-jiem li għaddew ħadu ġurament għand il-Kummissjoni Elettorali li fil-jum tal-votazzjoni se jkunu indisposti.

Ġimgħa qabel jum il-votazzjoni se jivvutaw ukoll l-anzjani li jgħixu fir-residenza San Vincenz de Paule u fi djar tal-anzjani oħra. Il-votazzjoni se ssir f’25 Dar tal-Anzjani li għandhom minn tal-inqas ħamsin resident u li għandhom l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali għal votazzjoni bikrija fir-residenza stess.

Iċ-ċentru tal-aħbarijiet hu nfurmat li fadal aktar minn 35,000 dokument tal-votazzjoni għar-referendum tal-kaċċa fir-rebbiegħa li għadhom ma nġabrux. Dan ifisser aktar minn għaxra fil-mija tal-persuni eleġibbli li jivvutaw fir-referendum. F’San Pawl il-Baħar fejn se ssir ukoll l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali hemm l-aktar numru ta’ dokumenti tal-votazzjoni li baqgħu ma nġabrux. Fil-fatt mit-tnax-il distrett elettorali li jinkludi San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u parti minn Naxxar fadal aktar minn 5,000 dokument tal-vot x’jinġabru. L-akbar ammont ta’ dokumenti tal-votazzjoni għar-referendum inġabru mill-ħames distrett elettorali li jinkludi Birżebbuġa, Ħal Kirkop, Marsaxlokk, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq.

Id-dokumenti tal-votazzjoni jistgħu jinġabru mill-għasses tal-pulizija s’għada, mid-9.00 ta’ filgħodu sas-1.00 ta’ waranofsinhar u bejn is-2.30 ta’ wara nofsinhar u l-10.00 tal-filgħaxija. Fil-lokalitajiet fejn m’hemmx għassa tal-pulzija, d-dokumenti jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali.

Mit-Tnejn li ġej, id-dokumenti tal-votazzjoni jkunu jistgħu jinġabru miċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, minn fejn se jkun qed isir ix-xogħol tal-Kummissjoni Elettorali b’rabta mal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tar-referendum, jew mill-Uffiċċju tal-karta tal-identità fir-Rabat Għawdex. Id-dokumenti jistgħu jinġabru l-aħħar sal-Ħamis f’nofs il-lejl.

Ħadd ma jista’ jidħol jivvota mingħajr id-dokument tal-votazzjoni.