Politika
AĠĠORNAT: Min jista’ jieħu s-siġġu ta’ Joseph Muscat fil-Parlament?

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li llum kien ippubblikat l-avviż li qed jintlaqgħu nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjoni każwali sabiex jimtela siġġu fuq it-tieni distrett.

Dan wara li l-Kummissjoni ġiet inkarigata mill-President tar-Repubblika biex tmexxi l-elezzjoni każwali wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat.

Dawk il-kandidati li kkontestaw it-tieni distrett elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom mill-Ħamis 8 sat-Tnejn 12 ta’ Ottubru, fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali.

Il-Kummissjoni Elettorali avżat li l-għadd tal-voti se jsir nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru.

Min għandu ċans jikkontesta għal dan is-siġġu?

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kien hemm biss Glenn Bedingfield, Stefan Buontempo u Mark Causon li ma ġewx eletti mit-tieni distrett taħt il-kappa tal-Parit Laburista.

Hekk kif Helena Dalli ġiet eletta fuq it-tielet distrett, hija ċediet is-siġġu fuq it-tieni distrett, li mtela’ minn Glenn Bedingfield wara elezzjoni każwali.

Dan ifisser li issa minn dan id-distrett baqa’ biss Stefan Buontempo u Mark Causon li għandhom iċ-ċans jitfgħu n-nomina tagħhom biex jimlew is-siġġu vakanti ta’ Joseph Muscat.

Sezzjonijiet tal-midja dalgħodu spekulaw dwar il-possibiltà li l-MPE Miriam Dalli tiġi co-opted fil-Parlament Malti minflok Dr Muscat, mingħajr elezzjoni każwali.