Lokali
Għada TVM b’xandira diretta tal-Budget

Għada jum il-baġit li skont it-tema tad-dokument li tnieda bi preparazzjoni se jkun joffri serħan il-moħħ u tama speċjalment għal dawk kollha li ntlaqtu b’mod ħażin mill-pandemija. Television Malta għada se jxanndar rappurtaġġ estensiv dwar il-baġit b’xandira li tibda fl-4.30pm.

It-Tnejn jitħabbar il-baġit, l-ewwel wieħed għall-Prim Ministru Robert Abela u t-tmien wieħed għall-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Baġit meqjus storiku għaliex se jkun ippreżentat fiċ-ċirkostanzi straordinarji tal-pandemija, tant li hu t-tieni wieħed din is-sena wara l-pjan ta’riġenerazzjoni ekonomika f’Ġunju fl-eqqel tal-Covid. Il-Gvern qed jindika li l-baġit se jikkonsisti f’ miżuri biex pajjiżna jerġa’ jirritorna għat-tkabbir ekonomiku Minkejja l-isfidi tal-pandemija.

F’Settembru, il-Ministru Scicluna ppreżenta dokument ta’ qabel il-baġit bit-tema ‘Lejn Ekonomija Sostenibbli’. Dan Id-dokument ġie diskuss f’numru ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-MCESD. Minkejja ċ-ċirkostanzi tal-pandemija, il-Ministru Scicluna xorta waħda żamm il-kuntatt annwali tiegħu mal-publiku permezz ta’ konsultazzjoni pubblika li din is-sena saret b’mod virtwali. Fost is-suġġerimenti tal-pubbliku spikka, l-ambjent, l-investiment f’Għawdex u miżuri li jagħmluha aktar faċli sabiex in-nies isiru sidien ta’ darhom.

Anke l-Prim Ministru Robert Abela kkonsulta ma’ diversi entitajiet fotshom l-imsieħba soċjali u korpi kostitwiti bil-għan li l-miżuri li se jitħabbru fil-baġit ikunu adegwati għaċ-ċirkostanzi tal-lum.

It-tnejn Television Malta se jxxandar programm speċjali li jibda fl-4.30pm  b’diskussjoni fl-istudio u kollegamenti mal-Palazz ta’ San Anton, fejn il-President George Vella se jilqa’ lill-Ministru tal-Finanzi biex jiffirma l-budget u aktar tard għall-ħabta tas-sitta u nofs se jixxandar b’mod dirett id-diskors sħiħ tal-baġit mil-Parlament, diskors li se jkun qed jixxandar dirett ukoll fuq radju Malta 2.