Lokali
Għadab wara li uża t-traġedja tal-Imsida biex jirreklama prodott

Kumpanija lokali li użat lir-raġel li tilef ħajtu fin-nar illum biex tirreklama l-prodotti tagħha, qanqlet kummenti ta’ għadab minn dawk li raw ir-reklam fuq il-midja soċjali.

Profil ta’ persuna, li qalet li qed titkellem f’isem kumpanija lokali, xerrdet rapport ta’ sit tal-aħbarijiet dwar il-mewt ta’ Joe Dimech fin-nar li qabad fl-appartament tiegħu, li kien jinsab fir-raba’ sular.

L-istess persuna qalet li hija aġent għal kumpanija barranija, li toffri soluzzjonijiet ta’ sigurtà għal binjiet għoljin. Insinwat ukoll li l-inċident seta’ kien evitat bil-prodott tagħha.

Wara l-kontroversja li qajjem ir-reklam, il-persuna bidlitu u neħħiet ir-referenza għall-inċident tal-lum.

L-istess kumment sar minn din il-persuna fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Television Malta, iżda ġie mħassar.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Raġel jitlef ħajtu f’nar li qabad f’appartament fl-Imsida