Ambjent
Se titnieda politika ġdida għall-immaniġġjar tal-iskart fix-xhur li ġejjin – Wasteserve

Bosta NGOs laqgħu b’sodisfazzjon il-pjan tal-gvern li jinvesti f’faċilitajiet ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart. Iżda minkejja dan, l-NGOs qed jitolbu li tiġi ppubblikata aktar informazzjoni teknika u dettaljata dwar is-sistema l-ġdida li tikkkonverti l-iskart f’enerġija (waste-to-energy) li qed tiġi proposta.

Fi stqarrija konġunta, grupp ta’ NGOs qalu li jinsabu mħassba li sistema li tikkonverti l-iskart fl-enerġija tista’ twassal għal ġenerazzjoni eċċessiva tal-iskart.

Qalu wkoll li s-setturi kollha tas-soċjetà jeħtieġu li jkunu konformi u jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jimxu mal-proċeduri tas-separazzjoni tal-iskart, speċjalment lukandi u fabbriki. Sabiex dan ikun possibbli, qalu li jeħtieġ Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart b’saħħtu.

Għalkemm jirrikonoxxu li sistema li tikkonverti l-iskart f’enerġija hija xi ħaġa pożittiva ħafna u ħafna iktar preferibbli milli jintrema l-iskart f’engineered landfills, jemmnu li din m’għandhiex tiġi ppreżentata bħala l-unika soluzzjoni possibbli li teżisti.

L-NGOs jemmnu wkoll li għandhom jiġu mwettqa aktar studji dwar is-sistema ta’ tkessiħ (cooling system) tal-inċineratur, għax jekk din issir se jibda jintrema ilma sħun fil-baħar fiż-żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.

Fl-istqarrija qalu wkoll li t-telfa ta’ 83 tumulu (9 ettari) ta’ art tar-raba’ hija eċċessiva wisq u mhux neċessarja għal dan it-tip ta’ proġett. Qalu li L-EIA jeħtieġ li jevalwa l-impatt fuq il-produzzjoni agrikola Maltija u ż-żieda fid-dipendenza fuq il-prodott importat.

Sostnew li l-proġetti tal-immaniġġjar tal-iskart għandhom ikunu sostenibbli u ma jkomplux iwasslu għal aktar telf ta’ art agrikola u riżorsi simili.

B’reazzjoni għal dan, il-Wasteserv laqgħet dak li qalu l-NGOs dwar it-titjib fl-immaniġġjar tal-iskart iżda qalet ukoll li għadhom qed isiru studji dettaljati fosthom dwar dak li għandhu x’jaqsam mal-kwalità tal-arja fost oħrajn.

Il-Wasteserv qalet ukoll li dan l-impjant ma jistax jitqies kif inhu waħdu. Il-kobor tal-impjant ġie determinat wara bosta studji estensivi. Issemma wkoll li d-disinn tal-impjant ġie maħsub għal operat flessibbli, fost oħrajn.

Barra minn hekk, il-Wasteserve żiedet tgħid li tinsab kommessa li twettaq il-proġett ECOHIVE biex il-pajjiż ma jibqax jarmi l-iskart f’miżbla u b’hekk tiġi ssalvagwardjata l-art agrikola.

Il-Wasteserve qalet li l-unika art li ttieħdet kienet terz mill-ammont oriġinali bl-impjant għall-iproċessar organiku mistenni jipproduċi kompost ta’ kwalità.

Dan ix-xogħol kollu jagħmel parti mill-aġenda agrikola tal-Gvern li jinkludi wkoll politika ġdida għall-immaniġġjar tal-iskart li se titnieda fix-xhur li ġejjin.

NGOs:
Din l-Art Ħelwa
Extinction Rebellion Malta
Flimkien għal Ambjent Aħjar
Friends of the Earth Malta
Isles of the Left
Malta Youth in Agriculture Foundation
Moviment Graffitti
Ramblers Malta
The Archaeological Society Malta
Swieqi Local Council