Barranin
Għadd ta’ xadini f’San Diego Zoo jingħataw tilqima għall-Covid-19

Għadd ta’ xadini kbar f’San Diego Zoo, f’Kalifornja, ngħataw tilqima esperimentali għall-Covid-19 li ġiet maħluqa għall-annimali.

S’issa t-tilqima ngħatat lil erba’ orangutans u ħames bonobos, li ħadu żewġ dożi kull wieħed tat-tilqima Zoetis, li ġiet manifatturata minn kumpanija tal-farmaċewtika veterinarja.

Fix-xadini li rċevew it-tilqima s’issa ma dehrux xi effetti ħżiena, u fiż-żmien li ġej se jkunu ttestjati biex jiġi determinat jekk ġisimhom pproduċiex antibodies.

F’Jannar li għadda f’dan iz-zoo ttestjaw pożittivi għall-Covid-19 tmien gurilli, li kienu l-ewwel xadini kbar fid-dinja magħrufa li kellhom il-Covid-19. Kien irrappurtat li l-gurilli qed jirkupraw mill-effetti tal-virus.

It-theddida tal-Covid-19 hija ta’ tħassib għax-xadini l-kbar, partikolarment il-gurilli, li l-popolazzjoni tagħhom hija f’periklu kritiku.