Toroq
Għaddej ġmielu x-xogħol fi Triq Bormla

Il-proġett ta’ Triq Bormla għaddej ġmielu, fejn b’investiment ta’ €4 miljuni qed issir mill-ġdid biex ikunu jistgħu jgawduha b’mod sigur is-sewwieqa tar-roti u s-sewwieqa u l-passiġġieri tal-karozzi u tal-muturi.

Triq Bormla, li hija r-rotta ewlenija bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, magħrufa wkoll bħala “taċ-Ċawsli” sar xogħol fiha biex issir karreġġjata b’żewġ korsiji għall-karozzi, faċilitajiet għar-roti u l-mixi, waqt li bejniethom se jsir pajsaġġ bis-siġar taċ-ċawsli.

Fost ix-xogħol li sar, din it-triq arterjali nbniet fuq pedamenti ġodda fejn tpoġġew ukoll pajpijiet ġodda għas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku u t-telekomunikazzjoni kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ għad-distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi fil-lokalitajiet tal-madwar. Biex jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar fit-triq, saret ukoll sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita.

It-triq kollha mistennija terġa’ tinfetaħ fiż-żewġ direzzjonijiet qabel is-sajf, malli titlesta t-tieni fażi tal-proġett.

Il-bini mill-ġdid ta’ Triq Bormla huwa ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF).

Għal aktar tagħrif dwar dawn ix-xogħlijiet tista’ tikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew [email protected]