Għaddej ix-xogħol fuq vapur tal-art tal-kartun fl-Imtarfa

Qed jinbena vapur tal-art bil-kartun. Replika preċiża ta’ dak li kien jivvjaġġa mill-Belt għall-Imtarfa. L-Imtarfa li kellha sptar militari u barracks tas-suldati Ingliżi, kienet l-aħħar waqfa meta f’Malta aktar minn mitt sena ilu kien għadu jaħdem il-vapur tal-art mill-Belt sal-Imtarfa.

Bħalissa fl-Imtarfa stess qed tinbena replika preċiża tal-vapur tal-art minn Stephen Bonello. Iltqajna miegħu f’maħżen fejn flimkien mal-membri tal-familja għaddej bix-xogħol biex ilestu l-mudell sa Ottubru li ġej.

Twil 10 metri, wiesa’ 2 metri u għoli 3 metri u nofs; il-mudell tal-kartun tal-vapur tal-art se jkun tal-istess daqs li kien jintuża lejn l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20. Stephen Bonello spjega li s’issa wasal nofs triq. “Hija l-bażi, it-tawwalija, fejn ħadt il-qies. Il-kaxxi ta’ taħt huma għalissa biex inżomm il-qies. Hi se żżomm fuq ir-roti, hemm iktar ħxuna fir-roti fejn se jitpoġġa r-rail, u se jkun hemm karru quddiem u karru fuq wara bir-roti iżgħar, li s-saħħa tagħha huma se jieħduha.”

Biex jinbena l-vapur tal-art jeħtieġ mat-tunnellata kartun, u Stephen sab l-għajnuna tal-mara Charmaine, u wliedu Noelle Marie u Bianca, li sakemm ilestu se jkunu qattgħu mal-260 siegħa jaħdmu fuqu. Stephen qalilna li waħda mill-ikbar sfidi hija li jkun kif ikun it-temp, ma jridx li jintilef ix-xogħol li għamlu. “Ħa nagħtiha speċi ta’ verniċ li l-element tat-temp jiżloq minn fuqha bħala kartun għax fil-passat ix-xogħol li għamilt qisni tliftu minħabba dawn l-affarijiet.”

Il-vapur tal-art tal-kartun se jkun wieħed mill-attrazzjonijiet f’Military Mtarfa f’Ottubru li ġej. Stephen diġà għandu post f’moħħu li se jservi ta’ sfond għalih – il-Kappella ta’ San Oswald. “Qed naħseb minn qabel jiena kif se nżarmaha u narmaha fil-post. Allura bħala designer qed nara x’nista’ nagħmel biex kollox jiżżarma bħalissa. Mhu se ninkolla xejn għax jekk ikun kollox magħqud ma tkunx tista’ ġġorrha minn post għall-ieħor.”

It-tir ta’ Stephen huwa li din tkun l-ikbar ferrovija tal-kartun f’tentattiv biex inaqqax ismu fuq il-Guiness Book of Records.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar