Sigurtà
AĠĠORNAT: Għaddejja investigazzjoni interna fl-armata b’rabta mal-qtil f’Ħal Far

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li għaddejja investigazzjoni interna bl-għajnuna tal-forzi tas-sigurtà, b’rabta mal-qtil ta’ immigrant xahar ilu, fejn is-suspettati ewlenin huma żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Prim Ministru sostna li dawn is-suspettati ma jirrappreżentawx it-twemmin tal-Forzi Armati, li qed jagħmlu ħidma importanti fis-soċjetà.

Madanakollu huwa qal li jrid ikun stabbilit jekk dan huwiex każ ta’ individwi iżolati, jew jekk dawn humiex parti minn ċirku ikbar.

Huwa rringrazzja wkoll lill-Pulizija għall-ħidma tagħhom, u sostna li l-investigazzjoni tal-Pulizija uriet li Malta huwa post sigur għal kulħadd, u hekk għandu jibqa’.

Finalment il-Prim Ministru qal li kliem ta’ mibegħda u firda m’hemmx posthom fis-soċjetà, u li dan huwa sinjal b’saħħtu għal dawk li jinstigaw il-mibegħda, u li jaraw il-konsegwenzi ta’ dawn is-sentimenti.

Stqarr li l-Gvern se jibqa’ kommess li jsejjaħ għall-għaqda bejn il-Maltin kollha u dawk li jgħixu f’Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob investigazzjoni indipendenti

Fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-PN jikkundanna d-diskriminazzjoni u l-vjolenza razzjali filwaqt li f’isem il-Partit talab għal investigazzjoni trasparenti u indipendenti.

Filwaqt li rringrazzja u faħħar ix-xogħol siewi tal-Pulizija, Dr Delia qal li hemm bżonn ta’ ħidma kbira biex Malta ssir pajjiż sigur.

 

Il-President iwassal sentiment ta’ dispjaċir f’isem il-poplu Malti

Dwar il-każ tkellem ukoll il-President ta’ Malta, George Vella, li fakkar li kulħadd huwa preżunt innoċenti sakemm jinsab ħati. Sostna li dan ir-reat m’għandux jirrifletti fuq il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna. Qal li dan lanqas ma jirrifletti s-sentiment tal-poplu Malti, u għalhekk f’isem il-poplu qal li xtaq iwassal lill-komunità ta’ migranti u barranin f’pajjiżna sentimenti sinċieri ta’ dispjaċir.

Il-President wissa dwar il-perikli li jistgħu jwasslu għalihom il-kliem u l-espressjonijiet fiergħa ta’ natura razzista, xenofobika, u estremista. Qal li bħala pajjiż għandna nirriflettu u noħolqu djalogu sinċier dwar il-futur ta’ pajjiżna bħala komunità multietnika, multikulturali, u tolleranti.

Il-President awgura wkoll li tirrenja l-kalma u li dan l-inċident ikrah iqarribna lejn xulxin, u mhux jintuża biex idaħħal firdiet fis-soċjetà tagħna.

L-Arċisqof Charles Scicluna jesprimi d-diqa bl-iżvilupp fil-każ tal-qtil ta’ Lassine Cisse

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-poplu Malti huwa maħsud u jinsab imdejjaq bl-iżviluppi fil-każ tal-qtil tal-immigrant Lassine Cisse f’Ħal Far. Huwa qal li l-mibegħda u x-xenofobija rabbiet l-għeruq f’xi wħud u wasslet għall-qtil ta’ immigrant minħabba l-lewn tal-ġilda tiegħu.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT (2): Tnejn arrestati b’rabta mal-qtil ta’ immigrant f’Ħal Far

Aħbarijiet Oħra
Sajd

Il-fdalijiet tat-tonn li ntlemħu fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet għandhom riħa ta’ attività illegali. Fi stqarrija mibgħuta mill-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura, intqal li dawn il-fdalijiet huma…

Infrastruttura

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bir-regolamenti l-ġodda dwar l-industrija tal-kostruzzjoni, il-Gvern qed jagħlaq il-ventilaturi biex fi kliemu, il-ħmar ma jwaħħalx f’denbu, u tkun tista’ tintrefa’ responsabbiltà meta tiġġarraf xi…

Qorti

Fil-Qorti llum kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju ta’ Maria Lourdes u Angele Bonnici f’Ħal Għaxaq. Tkellemet illum fil-Qorti l-esperta tal-forensika, Marie Therese Camilleri li tat dettalji dwar il-ġrieħi li sofrew…

Infrastruttura

Xi wħud qed jikkummentaw dwar kemm hija sigura din il-binja li tinsab fi Triq Santa Venera, fl-Imsida. Jidher li l-binja ta’ 5 sulari qed isserraħ fuq il-bricks kif jixhdu r-ritratti…

Aktar