Politika
Sa xahrejn oħra strateġija nazzjonali għal wara l-pandemija

Malta se jkollha strateġija nazzjonali għal wara l-pandemija, li se tkun imsejsa fuq kif il-pajjiż se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, kif se jiġu sostnuti n-negozji u x-xogħol u kif il-pajjiż se jibqa’ reżiljenti u kompetittiv.

L-istrateġija se titmexxa minn kumitat ippresedut mill-Professur Simone Borg, li se jkun qed jirċievi l-proposti u jiltaqa’ ma’ diversi setturi tas-soċjeta’ f’Malta u f’Għawdex.

Bħalissa qed isir proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar din l-istrateġija, bil-Ministru Owen Bonnici jgħid li l-istrateġija nazzjonali wara l-pandemija se tkun ippubblikata qabel l-aħħar ta’ Ġunju.

L-għan tal-istrateġija huwa li tirrifletti x’direzzjoni għandu jieħu l-pajjiż wara l-isfidi u l-opportunitajiet li seħħew f’dawn ix-xhur tal-Covid. Il-Ministeru tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-Covid waqqaf kumitat apposta li se jfassal din l-istrateġija. Bħalissa qed isir proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar din l-istrateġija li mistenni jintemm fl-aħħar ta’ Mejju.

Il-Professur Simone Borg qalet li tul dawn l-aħħar ġimgħat il-kumitat iltaqa’ ma’ diversi rappreżentanti tas-soċjetà f’Malta u Għawdex u jkomplu jagħmlu dan biex jinkludu lil kulħadd. Il-Professur Borg qalet li tfasslu tnax-il qasam tematiku li jolqtu s-setturi kollha; mill-iżvilupp sostenibbli għall-ekonomija u l-ambjent, kif ukoll l-isfidi soċjali. Qalet li dwar il-kwalità tal-ħajja, l-istrateġija se tara li l-pajjiż jibqa’ ffukat fuq it-titjib fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll li jissaħħaħ il-kapital soċjali li jitmexxa mill-komunità. Mira wkoll hi li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, l-inklużjoni u l-ekwità biex il-ħajja tkun aħjar u iktar ġusta għal kulħadd

Dwar is-sostenn tax-xogħol u n-negozju, l-istrateġija se tara li jiġi ffaċilitat l-investiment għal attivitaijiet li jmexxu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli. L-istrateġija qed timmira li jiżdiedu xogħlijiet b’rispett iktar lejn l-ambjent, u jintaqqas l-użu tal-karbonju. Għan ieħor li għandha l-istrateġija hija li tingħata spinta lill-innovazzjoni b’riżorsi mill-Gvern, policies u anki kollaborazzjoni mal-industrija.

L-istrateġija tħares ukoll lejn kif il-pajjiż jista’ jibqa’ reżiljenti, bi proposti, fost l-oħrajn, għal investiment fl-infrastruttura diġitali, ħiliet u servizzi biex jitjieb il-mod ta’ kif ngħixu u naħdmu. Prof Borg qalet li hemm ukoll mira li jinħolqu iktar spazji pubbliċi biex jinħoloq iktar sens ta’ komunità, filwaqt li l-pubbliku jitħajjar juża mezzi oħra ta’ trasport li jagħmlu l-inqas ħsara għall-ambjent flok jużaw il-vettura privata.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-koordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-COVID, Owen Bonnici, spjega ma’ TVM kif il-Gvern irid l-opinjoni tal-pubbliku fit-tfassil ta’ din l-istrateġija. “L-ewwel nett is-sostennibiltà, oqsma ambjentali, ekonomiċi u soċjali, u s-saħħa li tant kienu taħt fokus fl-aħħar xhur, affarijeit importanti li aħna rridu nisimgħu l-feedback mingħand in-nies dwarhom.”

Il-Ministru Bonnici qal li Malta se tkun wieħed mill-ewwel pajjiżi li se jikrupra mill-pandemija fl-Unjoni Ewropea kif imbassar mill-Fond Monetarju Internazzjonali u l-aġenziji tal-kreditu. Sostna li dan mnhux se jseħħ b’kumbinazzjoni iżda għax Malta kienet fost l-aħjar li laqgħet għad-daqqa tal-pandemija, billi naqas il-qgħad, żdied ix-xogħol u bi pjan ta’ rkupru turistiku li diġà beda jiġi implimentat, filwaqt li qal qed isiru għadd ta’ riformi għax il-Gvern jaf fejn qiegħed u fejn irid jasal.