Lokali
Għaddejjin it-taħditiet fuq l-eżamijiet tal-MATSEC li kellhom jibdew ix-xahar id-dieħel

Għad m’hemmx deċiżjoni aħħarija dwar l-eżamijiet tal-MATSEC għal mijiet ta’ studenti. Għalkemm dawn l-eżamijiet kienu skedati li jibdew bħal-lum xahar, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li qed ikollu taħditiet mal-partijiet kollha involuti dwar x’l-aħjar li jsir.

L-awtoritajiet fil-qasam edukattiv, flimkien ma’ diversi partijiet interessati, inkluż il-kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ u l-union, għadhom għaddejjin bil-konsultazzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Matsec minħabba li fiċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa, ma tantx jidher probabbli li jsiru x-xahar id-dieħel.

Il-Ministru Bonnici qal li l-prijorità tal-gvern hi li jieħu d-deċiżjonijiet li l-ewwel u qabel kollox iħarsu s-saħħa tal-istudenti, waqt li assigura li kull deċiżjoni li tittieħed dwar l-eżamijiet mhix ser tkun bħal sajjetta fil-bnazzi għall-istudenti li ser jagħmlu dawn l-eżamijiet.

“Qed issir diskussjoni interna bejn il-partijiet kollha possibbli u mal-istakeholders kollha possibbli biex naraw li r-riżultat finali ta’ dak li niddeċiedu jingħata fi żmien kemm kemm jista jkun malajr, ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn l-istudent mill-lum għal għada isib deċiżjoni ma’ wiċċu, pero kollox ikun maħsub skont ix-xenarji li jiżviluppaw,” qal il-Ministru.

Dr Bonnici qal li twaqqfet taskforce magħmula minn rappreżentanti tal-iskejjel tal-gvern, l-iskejjel privati u tal-knisja u mill-MUT biex tevlawa l-qagħda preżenti. Huwa qal li qed iħarsu wkoll lejn dak li ser isir fl-Ingilterra, għalkemm għadhom ma ngħatawx wisq dettalji.

Il-Minsitru Bonnici qal li tkun xi tkun id-deċiżjoni, l-istudenti m’għandhomx ibatu l-konsegwenzi tas-sitwazzjoni preżenti.

Tal-istess fehma ċ-Chairman tal-Bord tal-Matsec, Dario Pirotta. “Għadna naraw kull triq, pero nserrħu moħħ l-istudenti li dejjem se nagħtu każ l-iktar interess tagħhom l-ewwel, nifhmu li dan huwa żmien differenti milli stennejna, u li tista’ taffettwa wkoll lill-istudenti fil-preparazzjoni tagħhom, u dik nista’ nassigurhom li qed nagħtu kasha fid-deċiżjoni tagħna.”

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qal fi stqarrija li wara li kkonsulta mal-għaqdiet, qed jirrakomandaw li l-eżamijiet jittardjaw bi tliet ġimgħat u jekk ikun hemm bżonn jerġgħu jiġu posposti skont iċ-ċirkostanzi li jiżviluppaw. Huwa saħaq li għandu jkun hemm żmien biżżejjed għall-preparazzjoni u semma l-possibiltà li l-bidu tas-sena akkademika fil-livell terzjarju tibda u tispiċċa aktar tard mis-soltu.