Brexit
Għaddew 3 xhur mill-qbil biex Brexit jiġi pospost iżda ma sar l-ebda progress mir-Renju Unit – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li minkejja li għaddew 3 xhur mindu l-mexxejja Ewropej qablu li jipposponu Brexit sal-aħħar ta’ Ottubru, ma kien irreġistrat l-ebda progress mir-Renju Unit.

F’konferenza dwar Malta u Brexit organizzata mill-kumpanija Frank Salt Real Estate, Dr Muscat tenna l-impenn tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, li r-Renju Unit joħroġ mill-blokk Ewropew bi ftehim.

Dr Muscat qal li l-Kabinett qabel li f’każ li jkun hemm Brexit mingħajr ftehim, kull ċittadin Ingliż li jgħix Malta se jibqa’ jirċievi s-servizzi kollha fosthom ta’ saħħa u edukazzjoni b’xejn. Kompla jgħid li dan sar biex jissalvagwardja l-interessi taċ-ċittadini Ingliżi f’Malta u tan-negozji li jħaddmu lil dawn in-nies.

Il-Prim Ministru rrefera għat-twaqqif mill-gvern ta’ taskforce li għandha l-għan fost oħrajn li tattira lejn Malta negozji li jkunu se jitilqu mir-Renju Unit. Dr Muscat qal li jiġri x’jiġri, Malta trid li jibqa’ jkollha l-aqwa relazzjoni mar-Renju Unit u jħares ‘il quddiem biex iż-żewġ pajjiżi jkomplu jsaħħu r-rabtiet ta’ bejniethom.