Lokali
Għadek qed tistenna xi affarijiet li xtrajt online?

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost qalet li 90% tal-vouchers tal-Gvern tqassmu u l-kumplament qed jinġabru mill-fergħat fejn barra wħud minnhom qed ikun hemm kjuwijiet twal speċjalment f’lokalitajiet fejn jgħixu ħafna barranin.

Il-pandemija ma ħafritha lil ħadd u affettwat kull settur tal-ekonomija fosthom it-tqassim tal-posta tradizzjonali u l-pakketti postali li l-Maltapost qalet li żdiedu minħabba ż-żieda fix-xiri online. Il-Kap tal-Operat tal-Maltapost, Adrian Vassallo qal lil TVM li l-operaturi postali madwar id-dinja fosthom dawk f’Malta jużaw it-titjiriet tal-passiġġieri biex iwasslu l-oġġetti postali u minkejja li l-ajruport reġa’ fetaħ madwar sitt ġimgħat ilu, it-titjiriet għadhom madwar 60% inqas meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Stqarr li minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID, bejn nofs Marzu u l-bidu ta’ Lulju, kien hemm titjiriet minn tliet pajjiżi biss – l-Ingilterra, il-Ġermanja u l-Olanda bi frekwenzi mnaqqsa ħafna. “Għalhekk il-posta kienet qed tinġema’ f’dawn l-ajruporti u dak l-akkumulu ta’ posta issa qed tiġi rkuprata bil-mod il-mod minn meta l-ajruport fetaħ mill-bidu ta’ Lulju sa issa imma l-akkumulazzjoni tant hi kbira li ċertu pajjiżi għalkemm hemm titjiriet regolari bħall-Ingilterra, dawn ukoll qed jibagħtu x-xogħol bit-trakkijiet”.

Is-Sur Vassallo qal li anke l-Italja bdiet tibgħat il-posta bit-trakkijiet filwaqt li l-posta miċ-Ċina bdiet tintbagħat bil-baħar fost ilmenti ta’ dewmien mill-konsumaturi Maltin. Il-Kap tal-operat tal-Maltapost qal li ċerti websites Ċiniżi qed jużaw tracking fittizju. “Aħna ktibna lil dawn il-couriers u anke l-websites konċernati u kellna anke min weġibna u qalilna li vera li t-tracking meta juri li qiegħed Malta ma jkunx vera Malta imma f’pajjiż tranżitorju”.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Maltapost kienet responsabbli wkoll mit-tqassim tal-vouchers ta’ €100 mogħtija mill-Gvern. Dawn tqassmu lil 440,000 persuna permezz tal-posta reġistrata. Fuq il-media soċjali kien hemm litanija ta’ ilmenti speċjalment ta’ barranin li lmentaw li ma kienux irċevewhom u minflok sabu avviż biex imorru jiġbruhom mill-eqreb fergħa postali fejn fl-aħħar jiem kien hemm kjuwijiet twal ħafna.

Mistoqsi dwar dan, is-Sur Vassallo qal li l-ġemgħat barra l-fergħat kienu l-aktar f’San Pawl il-Baħar, l-Imsida u Tas-Sliema fejn hemm konċentrazzjoni kbira ta’ barranin li meta l-pustier mar bil-vouchers ma sabx qanpiena jew ma kienx qed isibhom id-dar.

“Kellna ilmenti li pustier ma ħabbatx f’ċertu triq pereżempju u meta niċċekkjaw insibu li l-pustier ikun iqassam 70 jew 80% tal-vouchers”. Il-Maltapost qalet li t-tqassim sar minn 250 pustier u li 90% tal-vouchers tqassmu u l-kumplament iridu jinġabru mill-fergħat tagħha.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar