Kronaka
Aġġornat: Jinstab mejjet żewġ mili ‘l barra mill-Aħrax iż-żagħżugħ li ntilef fil-baħar

Dalgħodu l-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija komplew bit-tfittxija għaż-żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Bangladesh li nhar is-Sibt niżel jgħum fl-inħawi fejn il-Ħofra, fl-Aħrax tal-Mellieħa, limiti tat-Torri l-Abjad, u mill-baħar baqa’ ma telax.

Sorsi qalu lil tvm.com.mt li ż-żagħżugħ instab mejjet maż-żewġ mili ‘l barra mill-Aħrax tal-Mellieħa. Il-katavru tiegħu li ntlemaħ għall-ħabta tal-11.30am, ittella abbord il-patrol boat tal-Forzi Armati li daħlet il-Marfa.

tvm.com.mt huwa nfurmat li ż-żagħżugħ jismu Chando Kamonasish u kien flimkien ma’ tliet żgħażagħ oħra fl-inħawi. Tnejn minnhom baqgħu fuq l-art iżda t-tnejn l-oħra niżżlu jgħumu.

Iż-żewġ żgħażagħ sabu diffikultà sabiex jitilgħu lura fuq l-art. Wieħed minnhom, li għandu 21 sena u huwa mill-Bangladesh, irnexxielu jitla’ mill-baħar u ttieħed l-isptar għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief, iżda ż-żagħżugħ l-ieħor ma rnexxielux.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Charmaine Gauci.

Ara wkoll:

ARA: Ġuvni mitluf fil-baħar fl-Aħrax tal-Mellieħa