Stejjer Umani
“Għadni nistennih jiġi d-dar biex ngħannqu miegħi”

Omm Ramiro Mallia u t-tfajla taż-żagħżugħ għadhom ma jistgħux jemmnu li tilfu lill-għażiż tagħhom f’inċident traġiku li seħħ ftit iktar minn ġimgħa ilu.

F’intervista esklussiva ma’ TVM, Marylis Mallia, omm Ramiro, qalet li trid iżżomm il-memorja ta’ binha ħajja bit-twaqqif ta’ fondazzjoni biex tibqa’ twettaq il-ġid li kien jagħmel iż-żagħżugħ. Irrakkuntat kif il-ħolma ta’ Ramiro kienet li jgħin lin-nies fil-bżonn u bi ħsiebha tħajjar lil sħabu jkomplu jimxu fuq il-passi tiegħu.

Id-dulur li għadha tħoss omm Ramiro Mallia ġimgħa wara l-mewt għall-għarrieda ta’ binha mhux mistenni jtaffi malajr. F’intervista esklussiva ma’ TVM, Marylis Mallia stqarret id-dieqa li għandha għat-telfa ta’ binha.

“Li tiġi filgħaxija biex taqleb l-ikel u platt nieqes, u x’ħin tagħlaq il-bieb ta’ barra taf li kulħadd qiegħed hemm u hu le, nistennih li jiġi lura,” stqarret omm Ramiro.

Ramiro Mallia miet traġikament fl-età ta’ 19-il sena, x’aktarx minħabba gass tossiku li ħareġ mill-geaser tal-gass li kellu fil-kamra tal-banju.

It-tfajla ta’ Ramiro, Sherise Chetcuti, għadha ma tistax temmen li mhux se tarah iktar. “Kien tifel perfett, ma kien jonqosni xejn miegħu, ma ssibx bħalu… bla kliem, ixxukkjata, għadni nibgħatlu u nċempilllu, nistennih ġej għandi u ma jweġibnix lura, ma nistax nemminha.”

Marylis qalet li temmen li Ramiro qed ikompli jagħmel ġid kbir wara mewtu, għax qed jispira żgħażagħ ikomplu fuq il-passi tiegħu. “Naf li daħal f’qalb il-Maltin, naf li kulħadd qed jimxi fuq il-passi tiegħu, u nappella liż-żgħażagħ ikomplu jgħinu lil Puttinu u qed naħdmu biex Ramiro & Friends tkompli tikber, u se nagħmel minn kollox biex naqtagħlu xewqtu.”

Omm Ramiro qalet li l-paġna Ramiro & Friends fuq Facebook se tikber u qed isiru l-arranġamenti biex titwaqqaf fondazzjoni. Ix-xewqa ta’ omm iż-żagħżugħ hija li qalb Ramiro tibqa’ tħabbat u l-memorja tiegħu tinżamm ħajja bil-ġid li dejjem ried jagħmel ma’ dawk li jkunu qed ibatu.