Lokali
Għajnuna għal proġett ta’ riċerka dwar varjanti oħra tal-Covid-19

Erba’ proġetti ta’ riċerka li jfittxu soluzzjonijiet għal mard infettiv se jibbenefikaw mill-Fond ta’ Riċerka u Żvilupp tal-COVID-19 li jammonta għal tliet miljuni u nofs ewro.

Il-proġetti jvarjaw minn riċerka dwar varjanti oħra tal-Covid-19, żvilupp ta’ mediċini ġodda u l-ħolqien ta’ antibodies biex jiġi miġġieled tip ġdid ta’ mard infettiv.

Il-Fond, li qed jamministrawh il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST u l-Malta Enterprise, attira 36 applikazzjoni, minn entitajiet pubbliċi u privati.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija Post Covid-19 Owen Bonnici qal li l-għan ta’ dawn il-proġetti huwa li jipprovdu soluzzjoni relatata mas-saħħa għall-pandemija u lil hinn minnha.

Spjega kif dan huwa investiment fit-talent tar-riċerkaturi tagħna u huwa xhieda tal-fatt li x-xjenza u r-riċerka huma kruċjali għal futur aħjar.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli qalet li b’riżultat ta’ dan l-investiment se titwassal għajnuna diretta lill-pazjenti u tissaħħah il-ġlieda kontra l-mard infettiv. Żiedet li l-impenn tal-Gvern huwa li jkompli jissaħħaħ is-settur tar-riċerka fejn qalet li teżisti opportunità b’potenzjal enormi.

Il-proġetti jinsabu fil-fażi bikrija tar-riċerka u mistennija jitlestew fix-xhur li ġejjin.