Lokali
50 persuna b’diżabilità jgħixu b’mod indipendenti f’10 idjar li l-Aġenzija Sapport għandha fil-komunità

Ħamsin persuna b’diżabilità qed jgħixu b’mod indipendenti f’għaxart idjar li l-Aġenzija Sapport għandha fil-komunità.

TVM tkellem ma’ Raphael Camilleri li ilu sentejn u nofs jgħix f’waħda minn dawn id-djar.

Bl-appoġġ fost oħrajn tas-support workers, Raphael, bħar-residenti l-oħra f’dawn id-djar jiksbu ħiliet bażiċi kif jieħdu ħsieb lilhom infushom u jgħixu b’mod indipendenti.

Raphael Camilleri għandu 31 sena u ilu sentejn u nofs jgħix f’waħda mid-djar għall-persuni b’diżabilità li l-Aġenzija Sapport għandha fil-komunità.

Bi Skype, Raphael qal li jgħix ma’ żewġ persuni oħra u tant iħossu indipendenti li din is-sena beda jippratika r-rugby u l-atletika wkoll.

Aġenzija Sapport għandha disa’ residenzi għall-persuni b’diżabilità f’Malta u waħda Għawdex. Fihom jgħixu 50 persuna fosthom erbat itfal b’care order li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Ruth Sciberras spjegat li f’dawn id-djar il-persuni b’diżabilità jgħixu f’ambjent ta’ familja f’dar jew f’appartament – flimkien ma’ għadd ta’ carers.

“Għandna djar li fihom disa’ persuni, però għandna djar li fihom tliet persuni, għandna djar b’erba’ persuni. Aħna f’dawn id-djar nagħmlu programmi għal persuni b’diżabilità biex huma anke meta jmorru għand il-familji, jew jekk xi darba joħorġu mid-djat tagħna kemm jista’ jkun ikollhom ħajja indipendenti. Huma jkollhom sapport 24 siegħa kuljum.”

Is-Sinjura Sciberras qalet li bħal Raphael, dawn il-persuni ma joqgħodux id-dar il-ħin kollu iża wħud minnhom imorru l-iskola jew ix-xogħol, u huma involuti fil-volontarjat.

Bl-appoġġ fost oħrajn tas-support workers, ir-residenti f’dawn id-djar jiksbu ħiliet bażiċi kif jieħdu ħsieb lilhom infushom u jidraw jagħmlu l-affarijiet personali waħedhom jew bi ftit għajnuna.

“Aħna mhux qegħdin hemm biex nagħmlu x-xogħol tal-persuna imma qegħdin hemm biex nuru lill-persuna tagħmel ix-xogħol għaliha nnifisha għax nemmnu ħafna li l-klijenti huma kapaċi jkunu indipendenti u kapaċi jżommu lilhom infushom.”

”Pereżempju hemm minnhom min tgħallem tal-linja, tgħallem kif jara l-flus, jitgħallmu jsajru, jitgħallmu jixtru.”

L-Aġenzija Sapport issegwi wkoll lill-persuni b’diżabilità li jgħixu fir-residenzi tal-għaqdiet mhux governattivi.

Bħalissa għaddej proġett għal tlett idjar oħra fil-komunità: f’Ħal Kirkop, il-Qrendi u ż-Żurrieq, bix-xogħol fuq id-dar fiż-Żurrieq jinsab fi stat avvanzat ħafna.