Waqt il-Kafé
Għalfejn iħallu ż-żraben barra lejlet San Nikola…

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

San Nikola huwa l-aktar qaddis popolari. L-immaġni tiegħu bħala Father Christmas tidher madwar id-dinja għal aktar minn xahar sħiħ fuq kartolini, riklami u kulħadd ikun jistennih ġej bir-rigali.

Għalina l-Maltin San Nikola jfakkarna fis-Siġġiewi. Mhux biss minħabba li hemmhekk fis-sajf jagħmlulu l-festa kif kull raħal jagħmel lill-qaddis jew qaddisin tiegħu, imma anki minħabba l-istatwa kbira tal-ġebel li hemm f’nofs il-pjazza sabiħa ta’ dak ir-raħal.

Nikola kien isqof ta’ Mira fit-Turkija. Kien magħruf għall-karità li kien jagħmel. Jingħad li darba kien ħeles tliet żgħażagħ ikkundannati għall-mewt wara li pprova l-innoċenza tagħhom. Isemmu li anki darba sema’ b’raġel li ma kellux biex iżewweġ lit-tliet uliedu bniet. Huwa mar u tefgħalu borża bil-flus mit-tieqa biex seta’ jaqta’ xewqtu.  Din l-aħħar ġrajja, maż-żmien, wasslet biex lil Santa Klaws dejjem pinġewh bil-borża jew xkora mimlija rigali għal żmien il-festi.

Fiċ-ċentru tal-Ewropa, l-aktar fil-Ġermanja, għandhom tradizzjoni li lejlet il-festa ta’ San Nikola, joħorġu żarbun barra l-bieb tad-dar qabel imorru jorqdu. Filgħodu, imbagħad, fiż-żarbun tista’ ssib xi munita bħalma Nikola kien ta lil dak ir-raġel tal-istorja, jew inkella ssib xi ħelu f’forma ta’ bastun bħal tal-Isqof, kif kien Nikola stess.

It-tradizzjoni tgħid li jekk issib tuffieħa fiż-żarbun ifisser li dik is-sena tkun għext ħajja ta’ raġel twajjeb jew mara twajba. Din it-tradizzjoni nnutajtha f’Cologne meta fis-6 ta’ Diċembru filgħodu rajt irġiel fil-Christmas Markets ineħħu t-tiżjin minn mas-siġar tal-Milied u minflok iwaħħlu tuffieħ ta’ veru. Meta staqsejt għaliex semmewli din it-tradizzjoni. Qaluli li t-tuffieħ iwaħħluh hemm biex in-nies jieħduh u jpoġġuh fiż-żraben barra l-bibien tal-ħbieb u qraba tagħhom.

Fis-Siġġiewi hemm tradizzjoni oħra iżda mhix marbuta mal-Milied. Ix-xebbiet Siġġiwin kellhom id-drawwa li meta jaslu għaż-żwieġ imorru jduru tliet darbiet mal-istatwa f’nofs il-misraħ bit-tama li l-qaddis isibilhom għarus.

Hemm anki xi taqbiliet marbutin ma’ din it-tradizzjoni Siġġiwija:
San Nikola tal-venturi
Tlabtu wieħed tani tnejn
Wieħed wiċċu kbir bin-nemex
L-ieħor isfar bħal-lellux.

L-irġiel iqabblu wkoll:
San Nikola tal-venturi
Tlabtu waħda tani tnejn
Waħda għamja, l-oħra truxa
Kemm aħjar ma tani xejn.

Imnalla lħaqt iżżewwiġt qabel sirt naf b’din id-drawwa…

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Minn għadd ta’ knejjes ħarġu l-purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. TVM żar il-Bażilika Kolleġġjata fl-Isla fejn segwa t-tħejjijiet li jsiru minn wara l-kwinti qabel ħarġet waħda mill-eqdem purċissjonijiiet li jsiru bħal-lum…

Stejjer Umani

Gesmond Micallef ilu għoxrin sena b’riskju għal ħajtu jmur idewwi nies midrubin serjament fil-gwerer. Ftit tal-jiem ilu, is-sur Micallef li huwa infermier ngħaqad ma’ tim mediku Franċiż biex idewwi nies…

Lokali

Għall-Knisja Kattolika l-qofol tat-tifkira tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù ntlaħaq kmieni l-Ġimgħa waranofsinhar fil-knejjes kollha, bir-rakkont tal-Passjoni skont l-Evanġelista San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib, u t-Tqarbin. Minn għadd ta’ knejjes imbagħad…

Lokali

L-arti tal-fotografija magħquda max-xogħlijiet artistiċi tal-uħud mill-vari tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta nġabru fi ktieb li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem. Passjoni – Merging Art and Faith huwa l-isem tal-ktieb li jiġbor fih…

Aktar