Għalfejn il-Malti qed jagħżel prodott ta’ barra flok ta’ Malta?

Is-Suq attwali huwa vast ħafna, prattikament illum il-ġurnata ssib minn kollox. Prodotti ta’ barra hawn kemm trid, ħafna drabi jkunu f’pakkett li jiġbed l-għajn, lest imqatta’ u proċessat u fuq kollox bi prezz kompetittiv. Għalhekk, forsi minħabba l-ħajja mgħaġġla li qegħdin ngħixu, dak li jkun jaf isibu aktar komdu minn prodott lokali. Bla dubju, dan qed iħalli impatt fuq il-bdiewa, raħħala u sajjieda lokali.

Biss, minkejja l-kompetizzjoni b’saħħitha li qegħdin jiffaċċjaw il-prodotti lokali, għad hawn fornituri Maltin li għadhom jaħdmu qatigħ biex iwasslu l-prodott lokali lil konsumaturi. Għalkemm il-ħaxix u l-frott barrani jaf iġib prezz irħas, il-prodott Malti mhux nieqes mill-kwalità. Diversi bdiewa tkellmu ma’ ‘Popolin’ u spjegaw li l-prodott Malti, apparti li hu magħruf għat-togħma bnina tiegħu, huwa sigur ħafna iktar minn prodotti barranin.

Ir-raħħal Antoine Fenech ammetta li l-prodotti barranin iġibu sfida konsiderevoli għall-bdiewa u r-raħħala Maltin. Il-prezz u l-mod kif ikun ippakkjat il-prodott jiġbed ħafna konsumaturi biss tenna li l-prodotti Malti joffri kwalità ferm aktar superjuri minn dak li nsibu fi prodotti barranin. Dan għaliex apparti li kull prodott jiġi regolat skond standards stabbiliti mill-unjoni Ewropeja, jinqata’, jinbiegħ u jkun fuq il-mejda tal-ikel f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa. Fenech saħaq li kull ħmistax-il ġimgħa r-raħħala huma mitluba jagħmlu testijiet speċifiċi li jiggarantixxu traċċabilità tal-prodott. Fenech stqarr li f’Malta għadna lura fejn jidħol l-marketing ta’ dawn it-tip ta’ prodotti. “Il-konsumatur tant għandu ħajja mgħaġġla li meta jmur jixtri, jagħżel l-ewwel prodott li jiġi għal idejh jew l-iktar wieħed bi prezz kompetittiv. Dan jagħmlu mingħajr ma jkun jaf jekk il-prodott huwiex Malti jew le”.

Popolin tkellem ukoll ma’ Paul Portelli, bidwi li spjega li ġeografikament Malta qeda f’pożizzjoni ideali biex nipproduċu prodott ta’ togħma speċjali. Tenna li dan huwa possibbli grazzi għall-klima ta’ pajjiżna u  għall-bżulija tal-bdiewa. “Ħafna mill-poplu, x’ħin jidra l-prodott tagħna jibda jgħid li prodotti ta’ Malta biss se jibda jixtri. M’għandiex dubju minn dan, però bħala ippakkjar u marketing għadna lura”. Barra minn hekk, il-fatt li Malta hija gżira ċkejkna tgħin loġistikament, għaliex id-distanzi lejn il-pitkalija huma qosra.  Huwa appella lill-pubbliku biex jagħżel il-prodott lokali għaliex filwaqt li jkun qed jiekol prodott frisk u ta’ kwalità, ikun qiegħed jgħin u jipproteġi mhux biss il-bidwi u l-familja tiegħu imma wkoll lis-settur agrikolu u l-ambjent Malti.