Aġġornament:-Għalfejn qed iddum il-posta mir-Renju Unit? Risposta minn MaltaPost PLC

Fl-aħħar ġimgħat ħafna ilmentaw dwar il-fatt li l-posta qed iddum żmien esaġerat biex tasal għand il-konsumatur. Popolin iddiskuta Brexit u l-impatt dirett fuq il-poplu Malti u Għawdxi.

Sabiex nifhmu aħjar il-proċessi relatati mad-dwana, tkellimna mad-Direttur tad-Dwana, Joseph Chetcuti li spjega li bħala Dwana kienu preparati għal kull eventwalità. Brexit bi ftehim, wassal għal volum ta’ xogħol addizzjonali għaliex l-importazzjoni u l-esportazzjoni minn u lejn ir-Renju Unit bdew jgħaddu minn proċessi doganali; “saħħaħna r-reżiljenza tas-sistemi tagħna, biex ikunu jifilħu għat-traffiku, ħsibna wkoll biex b’mod gradwali minn numru ta’ staff ta’ taħt it-tliet mija, illum hija ta’ erba’ mija u din is-sena dan in-numru se jkompli jiżdied għal ħames mija”.

Mistoqsi mill-preżentatur x’inhi r-raġuni li prodotti mixtrija online, qed idumu ġimgħat biex jaslu għand il-konsumatur Chetcuti tenna li ma jirriżulta mkien li dan id-dewmien huwa relatat ma’ Brexit. Żied jgħid li posta li tasal ma’ ‘courier operators’ tinħadem mid-dwana immedjatament u ma tirreġistra l-ebda dewmien. Minn naħa l-oħra ma jistax jintqal l-istess dwar xogħol li jasal b’posta konvenzjonali. Posta jew pakketti li jaslu permezz tal-Maltapost qed idumu mas-sitta jew tmien ġimgħat biex jaslu mir-Renju Unit għal għand il-klijent dan għaliex mhux qegħdin jintbagħatu bl-ajru għalhekk qiegħed jiġi reġistrat dewmien ta’ iktar minn ħmistax il-ġurnata biex jaslu f’pajjiżna. Id-Direttur tad-Dwana aċċerta li “dak kollu li jasal id-dwana qed jinħadem fi żmien massimu ta’ tliet ijiem”.

Aġġornament – Risposta minn MaltaPost PLC

Fil-ftehim li sar fl-24 ta’ Dicembru 2020 bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, mill-1 ta’ Jannar 2021 ir-Renju Unit ħarġet mill-Customs Union u għalhekk pakketti li jaslu mir-Renju Unit iridu jgħaddu mill-proċessi u kontrolli tad-Dwana tar-Renju Unit u ta’ Malta bħalma hu l-proċess meta tixtri oġġetti minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Jista’ jkun hemm dovut ħlasijiet tad-Dwana ta’ Malta, VAT, taxxi u ħlasijiet oħra. Id-Dwana ta’ Malta hija entita’ governattiva separata mill-MaltaPost. Id-Dwana ta’ Malta teżamina l-pakketti li jidħlu minn barra l-Unjoni Ewropea inkluż dawk li ġejjin mil-Ingilterra.

Dan hu proċess rigoruz fejn id-Dwana ta’ Malta tistudja l-fatturi li jkun ippreżenta x-xerrej u wara tiddeċiedi jekk taċċettax il-valur imsemmi li fuqu jiġi ikkalkulat il-ħlasijiet dovuti kollha.

Fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija globali qed ikun hemm dewmien sabiex il-pakketti jaslu Malta mir-Renju Unit. Dan minħabba li bħalissa hemm biss 3 titjiriet fil-ġimgħa mir-Renju Unit lejn Malta. Dan ifisser li l-volumi ta’ posta li qabel li kienu jintbagħtu fuq iktar minn 21 titjira fil-ġimgħa mir-Renju Unit issa jridu jintbagħtu fuq 3 titjiriet biss fil-ġimgħa. B’dan it-tnaqqis kbir fit-titjiriet, il-posta mir-Renju Unit qed ikollha tintbagħat anke bit-trakkijiet u bil-baħar li idumu madwar ġimgħa biex jaslu Malta.

Meta jaslu Malta, l-pakketti kollha mir-Renju Unit qed jiġu magħżula bejn dawk li huma ddikjarati fuq il-pakkett li l-valur taghhom hu inqas minn €22 u dawk li huma ddikjarati li l-valur taghhom hu iktar minn €22. Dawk li l-valur ddikjarat hu inqas minn €22 qed jigu spezzjonati kollha minn Uffiċjali tad-Dwana biex jivverifikaw jekk il-valur hux veru inqas minn €22 u anke biex jiċċekkjaw jekk l-oġġett hux konformi mal-liġijiet tal-pajjiż. Jekk l-Uffiċjal tad-Dwana jiddeċiedi li l-valur kif iddikjarat mhux korett, jagħti l-pakket lura lil MaltaPost biex aħna nikkuntattjaw lix-xerrej biex jibgħatilna l-provi ta’ kemm ħallas. Il-pakketti l-oħra, li l-Uffiċjal tad-Dwana jaqbel li l-valur tagħhom hu korett u inqas minn €22, jitqassmu mil-MaltaPost l-għada li d-Dwana jgħadduhom lillna.

Dawk li l-valur ddikjarat hu iktar minn €22 jiġu proċessati mil-MaltaPost bil-valur kif iddikjarat. Wara l-ipproċessar dawn ukoll iridu jgħaddu għand l-Uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta. Hawnhekk ukoll issir spezzjoni mill-Uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta u jista’ jkun ukoll li huma jitolbu għal iktar dokumentazzjoni minn naħa tal-klijent jekk waqt l-ispezzjoni ma jaqblux mal-valur kif kien iddikjarat fuq il-pakkett.

Fuq il-website tagħna www.maltapost.com/customs hemm l-informazzjoni kollha relatata dwar il-proċessi tad-Dwana, r-rati li wieħed hu mistenni jħallas u kif wieħed jista’ jiddikjara u jħallas l-oġġett online.

Il-MaltaPost u d-Dwana ta’ Malta qed jaħdmu kontinwament flimkien biex nippruvaw innaqsu d-dewmien bla bżonn biex l-oġġett jasal għand il-klijent kemm jista’ jkun malajr wara li l-obbligi assoċjati ma’ xiri ta’ oġġetti minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea jiġu rispettati.