Għalfejn qiegħed jiżdied il-konsum tad-droga f’Malta?

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss is-suġġett ta’ droga u s-servizzi fundamentali li toffri l-Caritas lill-persuni maħkumin minn dan il-vizzju fost oħrajn. Tkellimna ma Luke Magri, raġel li għeleb il-vizzju tad-droga. Beda jieħu minn l-età ta’ erbatax-il sena u wara disa’ snin, fl-età ta’ tlieta u għoxrin sena talab għal għajnuna.

Luke spjega li meta kien iżgħar xtaq jipprova esperjenzi u affarijiet ġodda u bla ma ntebaħ spiċċa daħal fiċ-ċirku tad-droga. “Jista’ jkun kien hemm element ta’ peer pressure biss ħadd qatt ma qabadni minn għonqi u obbligani nieħu” tenna Luke. Kien jara lil sħabu jieħdu u tħajjar. Luke tkellem fuq il-fatt li fil-bidu ta’ din l-esperjenza tħossok qisek f’‘honeymoon’, biss wara ftit żmien tibda żżid l-ammonti u anka tħallat bejn it-tipi ta’ droga b’hekk pass wara pass tinħakem minn dan il-vizzju. Luke qalilna li titkisser finanzjarjament, mentalment u fiżikament; “Id-droga toħodlok ħajtek, biha titlef id-dinjità kollha”. L-ewwel tip ta’ droga li ħa kienet il-ħaxixa, sentejn wara fl-età ta’ sittax -il sena beda jieħu wkoll l-pilloli tal-ecstasy, f’temp ta’ tliet siegħat kien hemm drabi fejn ħa tlettax-il pillola tenna Luke. Ftit żmien wara beda jagħmel użu wkoll tal-kokaina, li waslitu biex fl-aħħar sentejn ma kienx jaf x’inhu jiġri madwaru.  “Kont naf li qed naffeġ u kont naf li din mhux ħajti, hemm ħassejt li għandi nfittex l-għajnuna”.

Anthony Gatt, Direttur tal-Caritas spjega li fil-mument hawn tendenza għall-kokaina, li hija sustanza li faċilment iddaħħlek fil-vizzju. “Dan il-vizzju huwa pjaga kbira, id-dipendenza fuq dawn is-sustanzi ma jħallukx tkun taf x’inhu għaddej madwarek”. Gatt tenna li l-Kannabis qed tidħol iktar fil-kultura speċjalment fiż-żgħażagħ żgħar li jkunu qegħdin ifittxu esperjenzi ġodda.  Minn naħa tiegħu Luke Magri spjega li għalkemm jaf nies li rnexxielhom jagħmel użu mill-Kannabis biss, l-esperjenza tiegħu kienet differenti, għaliex meta ħass li l-Kannabis ma baqatx ittih sodisfazzjon mexa għal drogi oħra.

Mistoqsi mill-preżentatur x’qed iwassal biex il-konsum tad-droga qeda tiżdied, Anthony Gatt tenna li hemm bżonn nifhmu x’inhi r-raġuni għaliex wieħed jasal jieħu dawn is-sustanzi; ikun hemm każijiet fejn il-persuna jkollha tfulija diffiċli, biss hemm persuni oħra li għalkemm ikollhom karriera u pożizzjoni finanzjarja tajba xorta jħossu ċertu vojt fil-ħajja tagħhom u għalhekk jimlew il-vojt bid-droga u l-effett tagħha.

Bħalissa għaddeja maratona ta’ mħabba b’risq il-Caritas, biex jinġabru fondi sabiex tingħata għajnuna lill-persuni li nħakmu mid-droga u vizzji oħrajn. Waqt il-maratona se jkun hemm ukoll persuni li għaddew u ħarġu minn dawn il-vizzji biex jitqajjem iktar għarfien fuq il-vizzju tad-droga u problemi soċjali oħra. Ser ikun hemm ukoll helplines miftuħa biex jekk xi persuna tħoss li għandha ċċempel għal għajnuna tkun tista’ tagħmel dan minnufih. Il-maratona se tixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna, nhar is-Sibt bejn nofsinhar u nofsillejl.