Stejjer Umani
Għaliex 2,000 Malti għexu t-Tieni Gwerra internati f’kampijiet ta’ konċentrament fl-Italja?

Stħarriġ li għamel TVM fl-aħħar xhur wassal biex tintiseġ il-ġrajja kiefra u s’issa minsija li għaddew minnha madwar 2,000 Malti li fit-Tieni Gwerra Dinjija kienu mġegħla jabbandunaw djarhom u ġew internati fl-Italja.

Din ix-xorti messet lill-komunità sħiħa ta’ Maltin ta’ Tripli. Uħud minnhom twieldu Malta u Għawdex filwaqt li oħrajn kienu ilhom Tripli għal żewġ ġenerazzjonijiet jew aktar. Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin ta’ Tripli għexu s-snin tal-gwerra f’kampijiet tal-konċentrament biswit internati oħra min-nazzjonijiet differenti fosthom Sloveni, Kroati, Taljani u Lhud.

TVM b’dokumentarju u b’intervisti ma’ ex internati li jixħtu dawl fuq storja minsija

Mario Xuereb jiltaqa’ ma’ ex internati Maltin u wliedhom fit-Tripoli Social Club ta’ Melbourne fl-Awstralja li fih kull nhar t’Erbgħa jiltaqgħu l-Maltin ta’ Tripli

Din l-istorja se tiġi rrakkuntata għall-ewwel darba fid-dokumentarju Maltin Internati fl-Italja – Storja Vera – bi produzzjoni tal-ġurnalist taċ-Ċentru tal-Aħbarijiet ta’ TVM Mario Xuereb. Il-ġrajjiet irrakkuntati fid-dokumentarju għall-ewwel darba huma kkonfermati b’riċerka fl-arkivji fl-Italja u b’intervisti mal-ex internati infushom. L-ewwel episodju tad-dokumentarju se jixxandar nhar it-Tlieta 25 ta’ Settembru fuq TVM fid-9.30pm.

Ħjiel dwar l-istorja minsija ta’ dawn il-Maltin jinsab f’diversi arkivji madwar l-Italja. TVM kiseb aċċess għal dawn id-dokumenti b’mod esklussiv hekk kif riċerkaturi Taljani kienu qed jagħmlu xogħol ta’ riċerka dwar il-kampijiet Faxxisti mibnija mir-Reġim Faxxista Taljan biex fihom jinżammu internati tal-gwerra.

Id-dokumenti jinkludu listi sħaħ b’mijiet fuq mijiet ta’ ismijiet Maltin li bejn l-1940 u l-1945 inġabru u ntbagħtu l-Italja. Jinkludu wkoll referenzi għal dak li għaddew minnu wħud mill-internati Maltin inkluż ħruxijiet: uħud raw lill-membri tal-familja u lil sħabhom jiġu arrestati, isofru u jinqatlu; batew il-ġuħ u l-għera; nisa sfaw stuprati u rġiel kienu sfurzati jaħdmu għall-Ġermaniżi.

Grupp ta’ Maltin internati fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Fossoli fl-1944

Wara l-gwerra fl-1945, il-maġġoranza tal-Maltin rritornaw id-dar fejn sabu li kienu tilfu kollox u li kellhom jerġgħu jibdew mill-ġdid.

Fl-istħarriġ li għamel TVM, ġew identifikati numru minn dawn il-Maltin li kienu internati u li għadhom ħajjin. Ħafna mill-intervisti saru tul ix-xhur li għaddew f’Melbourne fl-Awstralja fejn għad fadal l-aħħar ftit Maltin ta’ Tripli, magħrufin bħala Tripolini, u li għaddew mill-internament.

Ex internati oħrajn li ġew intervistati nstabu jgħixu fil-Kanada u anki f’Malta. Kru ta’ TVM żar uħud mill-kampijiet ta’ konċentrament mibnija mir-Reġim Faxxista Taljan fit-Tieni Gwerra u li minnhom għaddew il-Maltin.

Fl-intervisti l-ex internati Maltin jirrakkuntaw dak li għaddew minnu fil-gwerra, kemm il-ħruxijiet u t-tbatijiet kif ukoll xi tifkiriet anqas koroh li żammew minkejja li għaddew dawn is-snin kollha. Huma kkonfermaw ukoll dak li rrekordjat il-burokrazija tar-Reġim Faxxista Taljan.

Intervista mal-ex internata Jane Zammit imwielda Cassar

Ir-rakkonti tal-Maltin li għexu fil-kamp tal-konċentrament

Concetta Ellul tirrakkonta kif fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Le Fraschette missierha kien midrub għall-mewt, filwaqt li oħtha sfat stuprata minn suldati Ġermaniżi.

Rita Camilleri, miżżewġa Meilak, tgħid li t-Taljani ta’ Fiuggi kienu kollha faxxisti u kienu jeħduha kontra l-Maltin għal diversi raġunijiet. Jane Zammit, dak iż-żmien Cassar, tiftakar li t-Taljani kienu jaqbdu mal-Maltin minħabba l-egħruq tagħhom u kienu jinkuhom dwar il-gwerra.

Min-naħa l-oħra Piero Grech ifaħħar liċ-ċittadini ta’ Modena u Carpi għax kienu jippruvaw jgħinu lill-Maltin miġburin fil-kamp ta’ Fossoli.

Il-kamp tal-konċentrament ta’ Le Fraschette kif kien jidher fl-1943 u li fih kien hemm mat-800 Malti

L-istorja ta’ dawn il-Maltin, ex internati fl-Italja, se tiġi rrakkuntata f’dokumentarju fi tliet episodji li se jixxandru fuq TVM min-nhar it-Tlieta 25 ta’ Settembru 2018.

Id-dokumentarju jagħti indikazzjoni ċara ta’ kif kienet il-ħajja f’kamp tal-konċentrament fit-Tieni Gwerra b’ritratti esklussivi miġbuda dak iż-żmien fil-kampijiet stess.  Iż-żewġ episodji l-oħra se jixxandru l-Erbgħa 26 u l-Ġimgħa 28 ta’ Settembru.

Tista’ tieħu togħma ta’ dan id-dokumentarju b’ritratti, filmati u intervisti mal-ex internati f’dan il-filmat qasir.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Michelle Paris hija mużiċista u kompożitiriċi li l-passjoni kbira li għandha għall-mużika tradizzjonali Irlandiża ddistingwietha bir-rebħ ta’ midalji prestiġjużi lil hinn minn xtutna. Il-mużika tradizzjonali Irlandiża għandha għeruq li jmorru…

Kultura

Il-Feniċi – poplu mil-Lvant Nofsani li waqfu kolonja tagħhom f’Malta fl-ewwel millenju Qabel Kristu. Iċ-ċiviltà Feniċja kienet waħda bbażata fuq il-kummerċ marittimu li firxet tul il-Baħar Mediterran u dan jistgħu…

Stejjer Umani

Iċ-ċkejken Katriel Zahra tant maħbub għall-ispirtu altruwist tiegħu minkejja li jbati minn kundizzjoni rari, dalgħodu wettaq ħolma oħra li kellu, li jaqta’ x-xagħar ta’ tifel bħalu b’risq il-Malta Community Chest…

Knisja Maltija

L-Azzjoni Kattolika Maltija għaddejja bi proġett biex dar li għandha f’Ħal Balzan tinbidel f’post li tkun tista’ tagħti kenn lill-familja jew persuni li għal xi raġuni jew oħra jispiċċaw ma…

Aktar