Festi
Għaliex fil-festa t’Għajnsielem il-Madonna taqsam il-misraħ b’dar maġenbha?

Kif tmidd riġlejk fil-gżira Għawdxija, bieb u għatba mal-Imġarr, f’Għajnsielem f’dawn il-jiem tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna ta’ Loreto. Waqt liema festa, wara l-marċ li s-soltu jsir nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija tiġi organizzata attività partikolari għall-aħħar bil-vara tal-Madonna. Fi ftit kliem, fi pjazza miżgħuda sa ruħ ommha bin-nies, bħall-bieraħ il-Madonna tittella’ ma’ vent u taqsam il-misraħ t’Għajnsielem.

F’dan l-isfond, f’kummenti lil tvm.com.mt il-moħħ wara din il-partikolarità li ssaħħar lil bosta l-President tal-Għaqda Armar Għajnsielem, is-Sur Rudolph Cauchi spjega li għat-tali attività jitpoġġew żewġ ventijiet ma’ żewġ bnadi tal-misraħ. Qal, li l-Madonna tittella’ ma’ vent minnhom, tintrabat miegħu u taqsam il-pjazza sakemm il-vara ssorġi fuq il-pedestall tagħha.

Mistoqsi x’inhu l-ħsieb wara dan il-ġest, is-Sur Cauchi spjega li l-istorja tgħid li minkejja l-fatt li l-Madonna kienet toqgħod f’Nażaret, ir-residenza tagħha nstabet fil-belt ta’ Loreto f’Ancona l-Italja fl-1294. Spjega, li jingħad li possibbilment dar il-Madonna ġarrewha l-anġli. Liema ġrajja, titfakkar proprju fil-festa t’Għajnsielem permezz ta’ din id-dimostrazzjoni.

L-istatwa attwali tal-Madonna ta’ Loreto t’Għajnsielem saret fl-2006 mill-artist Michael Camilleri Cauchi. Il-vara kkaratterizzata mill-Madonna b’dar maġenbha u l-Bambin f’idejha. Mal-ġnub, żewġ anġli mdaqqsa jidhru jerfgħu lill-Madonna bid-dar b’kollox. Quddiem nett, il-vara mżejjna b’anġlu ieħor.

Sors: Justin Buttigieg

Sors: David Agius, Hush Studios