Ikel
Għaliex għall-kaċċa iva, imma għall-halal le?

Fl-isfond tal-kontroversja li bdiet wara s-servizz tal-aħbarijiet ta’ TVM mal-Imam Mohammad Elsadi, dwar il-qtil tal-annimali bir-ritwal Musulman, komplejna nsegwu l-kwistjoni.

Mhux eskluż li l-qtil tal-annimal bis-sistema tal-halal, għalkemm mhux isir fil-Biċċerija, qed isir f’postijiet privati.

Sadanittant, akkademiku li studja d-dinja Musulmana stqarr ma’ Television Malta li r-reazzjoni ta’ ħafna Maltin fil-konfront tal-Imam tistona mal-valuri tal-Maltin.

L-antropologu Ranier Fsadni, li rriċerka ħafna dwar id-dinja Iżlamika qal li r-reazzjoni ta’ bosta Maltin fil-konfront tal-Imam Mohammad Elsadi, li wera x-xewqa li l-awtoritajiet Maltin jibdew jippermettu l-qtil tal-annimali fil-Biċċerija skont it-tradizzjoni Musulmana tal-halal, turi nuqqas ta’ tolleranza.

“Mhux tibgħat lil xi ħadd li hu ċittadin Malti u tkeċċih minn pajjiżu jew xi Musulmani Maltin li għandna minnhom, tgħidilhom li dan mhux pajjiżhom jew li huma pajjiżi tas-sekonda klassi. Li tgħid lil ċittadin hu tas-sekonda klassi tmur kontra l-valuri tal-Maltin,” qal is-Sur Fsadni.

Is-Sur Fsadni kompla jgħid li l-prattika tal-halal, li tintuża wkoll mil-Lhud bil-metodu tal-kosher, tesiġi li l-annimal ikun ħaj iżda ma jimpurtax jekk ikun stordut. “Il-problema hi li xi kultant l-annimali minflok jistordu, fil-fatt imutu u inti ma tkunx taf kienx miet jew le qabel. Allura hemm modi. Pereżempju xi pajjiżi Ewropej bħall-Awstrija u l-Finlandja jistordu l-annimali immedjatament wara li jitħanxru biex inaqqsu s-sofferenza.”

L-antropologu stqarr li d-deroga għall-halal, kif talab l-Imam Elsadi, mhix wisq differenti minn derogi oħra. “Jien personalment favur il-kaċċa responsabbli u derogi reliġjużi, għalkemm jekk insibu mod kif nindirizzaw is-sofferenza tal-annimali nkun favuriha… Kont naħseb inkun qed naqa’ f’kontradizzjoni li kieku kont favur il-kaċċa imma kontra din id-deroga.”

Sadanittant, wara rapporti li waslu lil Television Malta li l-qtil tal-annimali bil-metodu Musulman qed isir privatament u mhux fil-Biċċerija, staqsejna lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jekk ikollux rapporti simili.

“F’dawn l-aħħar ħames snin qisu kellna 24 każ li ġie rrapportat lid-Direttorat fejn jidħol qtil illegali. L-aktar ta’ fniek u ħaruf u ovvjament ġew investigati wieħed wieħed biex jiġu l-ewwel ħaġa kkonfermati. Xi kultant fid-djar ikunu ftit diffiċli għax inti mhux se tmur u ssibu dak il-ħin u allura wieħed jieħu aktar żmien biex ikun jista’ jinvestiga u jikkonfermaw dan it-tip ta’ abbuż,” spjega Clive Tonna, Direttur għas-Saħħa Ambjentali.

Is-Sur Tonna kompla jgħid li fil-maġġoranza ta’ dawn r-rapporti saru kontra persuni barranin. “Ikollok il-ġirien li qed jirrapportaw u jaraw din l-attività fil-post. Aħna ovvjament neċċedu fil-post flimkien mal-Pulizija u kif għedtlek, jekk jiġi ppruvat, imbagħad jieħdu l-passi li hemm bżonn.”

Is-Sur Tonna qal li meta jsir qtil ta’ annimali f’postijiet mhux awtorizzati jkun hemm nuqqas kbir ta’ iġjene li jista’ jkun ta’ detriment għan-nies li se jieklu dak l-ikel.

Ara wkoll:

L-Imam jappella biex annimali fil-biċċerija jinqatlu bis-sistema Musulmana

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Saħnu l-irjus fix-Xlendi, f’Għawdex wara li turist ħebb għal xufier ta’ double-decker. L-inċident seħħ ilbieraħ fl-16:00 waqt l-attività tradizzjonali tal-ġosta li sseħħ ta’ kull sena fil-bajja. Mhux magħruf għala t-turist…

Kronaka

Anzjan ta’ 75 sena residenti l-Pietà tilef ħajtu meta waqa’ għoli ta’ tliet sulari. Il-każ seħħ ftit wara s-sebgħa ta’ llejla meta l-anzjan instab mal-art fl-inħawi ta’ ġnien li jinsab…

Lokali

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur…

Aktar