Ambjent
“Għaliex għandi ngħum biex nara il-Gżejjer ta’ San Pawl?”

Raġel li għomru u żmienu jimxi tul ix-xatt ta’ Buġibba, għamel għawma bi protesta għall-fatt li l-pubbliku m’għadux jista jgawdi il-veduta tal-Gżejjer ta’ San Pawl waqt passiġġata tul il-promenade tal-lokalità turistika. Ma’ TVM qal li l-ġmiel naturali għandu jitħalla jitgawda mill-pubbliku mhux jigi ikkaparrat mill-istabbilimenti kummerċjali.

”Għaliex għandi ngħum biex nara il-Gżejjer ta’ San Pawl?”

Appell imqanqal minn resident ta’ Buġibba li sbieħ is-Sibt filgħodu, lesta ruħu biex jgħum bejn il-moll u l-pjazza ta’ Buġibba għal diversi drabi. Oskar Zerafa Gregory, li għandu 64 sena, qal li din l-għawma għamilha biex jipprotesta wara li l-veduta tal-gżejjer ta’ San Pawl mill-promenade bilkemm għadha tidher.

”Għalhekk liebes l-eye patch, għax qisek għandek għajn waħda. Trid tagħmel hekk (ġest b’rasu) biex tara l-gżejjer bejn stabbiliment u ieħor. Għax ħafna ħafna stabbilimebnti, riklami, nies jieklu u ma tarahomx il-gżejjer ta’ San Pawl.”

Is-Sur Zerafa Gregory qal li Buġibba hu fost l-aktar postijiet turistiċi u hu fl-interess nazzjonali li l-promenade jkun indukrat bl-aħjar mod. Huwa qal li mhux kontra l-iżvilupp, iżda saħaq li l-ġmiel naturali għandu jiġi mħares.

”Jekk tara madwarek għandek saltpans midfunin taħt il-konkos meta dawn ilhom li nbnew mijiet ta’ snin. Hu sit storiku dan.”

Huwa qal li bħal ma qed isiru proġetti maġġuri, ma jarax għalfejn m’għandux isir intervent biex in-nuqqasijiet jiġu regolati.

”Tinqala’ t-triq jekk hemm bżonn u l-istabbilimenti jitpoġġew taħt it-triq, u jingħataw area quddiem biex ikunu jistgħu jirriklamaw u jiġbdu n-nies l-isfel.”

Is-Sur Zerafa Gregory irrefera għall-konċessjonijiet li ngħataw lil diversi lukandi u stabbilimenti max-xatt. Kompla li filwaqt li mhux kontra l-konċessjonijiet, m’għandhomx li jinbnew strutturi li jċaħħdu lill-pubbliku milli jgawdu ix-xatt mingħajr il-bżonn li jħallas.

”Iħalli l-ewwel 10/ 20 metru ħieles mal-baħar biex inkun nista’ mmur nistad, nippassiġġa jew nieħu lit-tifel jgħum. Mhux irrid inħallas qisni qed inkun stranġier f’pajjiżi.”

It-tama tas-Sur Zerafa Gregory hi li l-appell tiegħu ma jaqax fuq widnejn torox.

Aħbarijiet Oħra
Festi

Hija t-tradizzjoni li għandha l-għeruq tagħha fil-bidu tal-ħamsinijiet u li tiċċelebra d-devozzjoni lill-Madonna tal-Grazzja permezz ta’ pellegrinaġġ bil-muturi u r-roti. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż Żabbar jikkonkludu l-istaġun tal-festi tas-Sajf….

Kronaka

Kenneth Cassar ta’ 38 sena mill-Isla ġie akkużat li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda fl-Isla saq vettura b’manjiera perikoluża, laqat tliet karozzi u baqa’ sejjer. Cassar ġie…

Ambjent

Fl-għeluq tal-ħames konferenza annwali mis-Soċjetà MALTNUM, Malta Model United Nations Society, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li l-akbar sfida li qed taffaċċja d-dinja bħalissa hija t-tibdil fil-klima. Qal li d-dinja…

Kronaka

Ħidma mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ kontra d-Droga, ilbieraħ waranofsinhar, irriżultat fl-arrest ta’ ġuvni ta’ 17-il sena mill-Birgu u żewġ tfajliet, ta’ 21 u 26 sena minn Ħal Kirkop u l-Fgura rispettivament,…

Aktar