Agrikultura
Għaliex il-valenu tan-naħal jiswa aktar mid-deheb?

Naħħala Maltin bdew jesperimentaw b’teknoloġija elettronika biex josservaw l-attività tan-naħal li jrabbu.

Fil-Jum Dinji tan-Naħla, naħħala qalulna li dan qed jagħmluh biex ma jtellfux lin-naħla waqt li tkun għaddejja bil-proċess naturali tagħha. Bl-istess sistema qed jiġbru wkoll il-valenu tan-naħla li fis-swieq internazzjonali qed jiswa tliet darbiet aktar mid-deheb.

Mario Sant hu r-raba’ ġenerazzjoni ta’ naħħala fil-familja tiegħu. “Jiena hawnhekk inrabbi n-naħla ta’ Malta li tissejjaħ Apis Mellifera Ruttneri,” qalilna Mario Sant, mill-Assoċazzjoni tan-Naħħala Maltin.

Tradizzjoni li bdiha buż-nannuh 122 sena ilu b’għodda u ħila ta’ żmien il-Feniċi u r-Rumani, fosthom il-Qolla tal-fuħħar fejn in-naħal irabbi l-frieħ u jagħmel ix-xehda tal-għasel.

“Hawnhekk minn fejn jidħol in-naħal u n-naħal litteralment tpoġġih hawn f’din il-ġarra tal-fuħħar u meta jiġi biex jinqata’ l-għasel kienet tintuża din il-biċċa għodda,” spjega s-Sur Sant.

Din l-għodda għadu jużaha missieru ta’ 90 sena meta jinżel sal-miġbħa. Minflok il-qolla, illum jintużaw il-kaxxi u minn ftit xhur ‘l hawn, uħud minnhom lanqas għadhom jiftħuhom biex jaraw l-attività fihom.

Dan għaliex l-Assoċjazzjoni tan-Naħħala bdiet tuża sistema esperimentali ta’ monitoraġġ elettroniku bl-għajnuna ta’ fondi li kisbet mill-Kunsill tal-Volontorjat kif spjegalna n-naħħal u riċerkatur, Adrian Bugeja Douglas.

“Itina d-data tal-piż allura inti tkun taf jekk in-naħal hux qed idaħħal għasel u jekk hux qed jibni, itina jekk hux qed iżomm it-temperatura kostanti, l-ammont ta’ umditá ġewwa u jtina l-ħoss jiġifieri jekk kaxxa marditlek, ħa tonqos l-attività, tibda tara l-piż niżel u l-ħoss tan-naħal jonqos allura tkun taf x’inhu jiġri mingħajr ma tiftaħ il-kaxxa.”

Is-sistema elettronika tinkludi wkoll il-ġbir tal-valenu tan-naħal li iġib prezzijiet fenominali. “Riċentament sabu li l-velenu tan-naħla għandu attività kontra l-artirite u qed isiru riċerki kliniċi barra minn Malta fuq il-velenu, gramma deheb tiswa $40 waqt li gramma tan-naħal fuq is-suq internazzjonali tiswa $120, tliet darbiet aktar mid-deheb jiswa bħalissa.”

U qabel ħallejna l-ambjent trankwill fil-limiti tal-Għargħur, is-Sur Bugeja Douglas qalilna li l-maġġoranza tax-xogħol fil-kaxxa tan-naħal isir minn sess partikulari. “In-nisa jagħmlu x-xogħol kollu waqt li l-irġiel li huma drones jew bgħula bil-Malti, dawn ma jagħmlu xejn lanqas jieklu għax jiġu mitmugħa, u l-uniku skop tagħhom huwa għar-riproduzzjoni biex idakkru lir-reġina.”

Ftit tas-snin ilu n-Nazzjonijiet Maqgħuda ddikjarat l-għoxrin ta’ Mejju bħala l-jum iddedikat għan-naħla, bil-għan li tippromovi l-konservazzjoni tan-naħla, li hija ħolqa importanti fil-produzzjoni tal-ikel li nieklu kuljum.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Għall-ewwel darba f’125 sena, inqala’ minn postu l-arloġġ li jinsab mat-torri tal-Imtarfa. It-tnejn huma tant biċċa waħda, li l-binja hija magħrufa bħala t-Torri tal-Arloġġ. Fuq il-midja soċjali s-Sindki tal-Imtarfa Daniel…

Xogħol

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti ta’ Skejjel Statali (MAPSSS) qalet li fid-dawl tal-fatt li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sa tmiem is-sena skolastika, xi ħaġa li MAPSSS taqbel magħha, l-Assoċjazzjoni tappella…

Ippjanar u bini

Il-permess li kien ingħata biex tinbena villa f’żona barra l-iżvilupp fl-inħawi Ta’ Muxi fil-Qala, issa ġie rtirat mill-Awtorità tal-Ippjanar, wara li l-iżviluppatur stess kien diġà rrinunzja għall-permess. L-iżvilupp kien qajjem…

Aktar