Lokali
Għaliex taqbdek id-dimensja? X’inhuma s-sintomi?

Rapport tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa jgħid li ‘l fuq minn 55 miljun persuna fid-dinja jgħixu bid-dimensja; kundizzjoni li tisraq il-memorja tal-persuna. Bin-nies kulma jmur jgħixu aktar l-inċidenza tagħha se tkompli tiżdied. F’Malta hawn mas-7,200 persuna li għandhom id-dimensja u hu stmat li dawn jiżdiedu għal 13,000 sal-2050.

Hu stmat li għal kull persuna bid-dimensja hemm sa erba’ persuni oħra affettwati direttament, ħafna drabi membri tal-familja tal-persuna. Għalhekk, ħafna nies imissu ma’ din il-kundizzjoni.

Mhux magħruf għaliex persuna taqbadha d-dimensja. L-għalliem u riċerkatur fl-istudji tad-dimensja, il-Professur Charles Scerri spjega li hemm affarijiet li jpoġġu persuna f’riskju akbar u li dwarhom ma tista’ tagħmel xejn, bħall-età u l-ġeneru.

“Id-dimensja se ssibha aktar fin-nisa milli fl-irġiel. Jekk ikollok id-dimensja fil-familja għandek daqsxejn riskju żgħir li inti jista’ jkollok ukoll ‘il quddiem.”

Riskji oħra huma l-mard tal-qalb, kolesterol għoli, dijabete u pressjoni għolja; filwaqt li wieħed għandu jevita daqqiet repetuti fuq ir-ras, dieta ħażina, nuqqas ta’ eżerċizzju mentali u fiżiku, ix-xorb u t-tipjip.

Mistoqsi dwar kif wieħed jinduna li għandu d-dimensja, il-Professur Scerri qal li fost l-ewwel sintomi hemm li persuna ma tiftakarx per eżempju x’kielet fil-kolazzjon imma tiftakar bi preċiżjoni x’kienet tagħmel fi tfulitha.

“Dan jiġri għax l-ewwel żona li tiġi attakkata fil-moħħ hija dik iż-żona li ddaħħal informazzjoni ġdida. U għaliex tkun qed tiddiġenera, tmut bil-mod, l-informazzjoni li persuna qed tagħtiha mhux qed tidħol bis-saħħa fil-moħħ u allura l-persuna mhux qed tiftakarha”

Għal din ir-raġuni, persuni bid-dimensja għandhom sa fejn hu possibbli jibqgħu jgħixu fl-ambjent tad-dar tagħhom għax meta jbiddlu l-post ma jitgħallmux informazzjoni ġdida bħal fejn qiegħda l-kamra tal-banju jew fejn imorru jagħmlu kikkra te.

Sintomu ieħor hu problema ta’ komunikazzjoni bl-użu tal-lingwa; bħal meta jiġri ta’ spiss li persuna ma tispiċċax sentenza jew inkella tistaqsi l-istess mistoqsija diversi drabi. Persuna bid-dimensja tista’ wkoll tikkonfondi kif se tagħmel l-attivitajiet ta’ kuljum bħal biex tinħasel jew taqfel iż-żarbun. Il-Professur Scerri rrakkomanda li meta jiġu nnuttati dawn is-sintomi, li mhux bilfors ifissru li persuna għandha d-dimensja, ifittxu għajnuna professjonali.

“Iċċempel id-dimensja helpline, il-1771 u jigwidawha sewwa imma tista’ anki tmur għand it-tabib privat tagħha u t-tabib, jaraha, jeżaminha, jista’ f’ċertu każijiet jirreferiha għall-klinika tal-memorja fejn issir investigazzjoni aktar dettaljata”

Żied li l-aktar forom komuni ta’ dimensja ma tfieqx minnhom iżda llum, minbarra l-mediċini, jeżistu ħafna servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja fosthom ċentri ta’ matul il-jum għal persuni bid-dimensja li fihom isiru attivitajiet imfassla apposta għalihom.