Edukazzjoni
Għaliex uħud jabbandunaw l-iskola kmieni?

Studenti li jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifiki jibqgħu jġorru magħhom timbru li mhumiex tajbin għall-iskola b’konsegwenzi f’ħajjithom. Dan ħareġ minn studju li daħal fil-fond dwar xi jwassal biex student jabbanduna l-iskola kmieni u l-impatt li din id-deċiżjoni jkollha fuq ħajtu.

Id-divorzju, problemi ta’ saħħa u problemi soċjo-ekonomiċi huma wħud mill-fatturi li jwasslu biex l-istudenti jabbandunaw l-iskola u t-taħriġ qabel iż-żmien u mingħajr kwalifiki. Dan ħareġ minn studju kwalitattiv li sar mill-Osservatorju Nazzjonali għal Għajxien b’Dinjità fi ħdan mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid ta’ Soċjetà. L-istudju analizza l-impatt fuq il-ħajja tal-istudenti li telqu mill-iskola mingħajr tal-inqas ħames O levels li m’huma jsegwu l-ebda programm edukattiv jew taħriġ.

Iċ-chairman tal-Osservatorju, il-Professur Carmel Borg spjega li mill-istħarriġ ħareġ li dawn iħossuhom inqas sodisfatti fil-ħajja u saħansitra wħud jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali u jħossuhom esklużi mis-soċjetà.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, juru li fl-2017 kien hemm aktar minn sbatax fil-mija tal-istudenti li ma komplewx jistudjaw. Dan kien 2.6% inqas mill-2014. Il-mira hi li sas-sena d-dieħla l-istudenti li jitilqu mill-iskola kmieni ma jaqbiż l-għaxra fil-mija.

Iċ-Chairman tal-Osservatorju Nazzjonali għal Għajxien b’Dinjità, Carmel Borg “il-pronostiku tagħna bħala akkademiċi hu li x’aktar ma nilħquhomx fl-2020. Iridu nħarsu lejn in-nies u nidħlu fil-fond tan-narattiva, tal-bijografija tal-istorja tagħhom biex nifhmu aħjar il-psikoloġija. L-ewwel ħaġa li tispika ħafna f’dawn il-case studies li għamilna, l-imblokk biex ngħidu hekk, l-imblokk psikoloġiku li ma ġiex mix-xejn. Ġie mill-messaġġi kontinwi li rċevew mis-sistema obligatorja li isma huma m’humiex tajbin għall-iskola, li l-iskola mhijiex għalihom, li moħħhom ma jtihomx.”

Il-Professur Borg qal li dawn it-timbri jibqgħu magħhom tul ħajjithom u jispiċċaw jaħdmu bil-prekarjat u possibilment fil-faqar.

Il-Professur Milosh Raykov li mexxa l-istudju, qal li l-istudenti subien u l-immigranti jinsabu f’riskju akbar li jitilqu mill-iskola kmieni.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca appellat biex din il-problema tiġi indirizzata mindu tfal ikunu żgħar. Hija semmiet il-programm tbissima fil-Marsa, li sar mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà bil-għan li tfal u żgħażagħ jiltaqgħu flimkien wara l-ħin tal-iskola f’ambjent pożittiv u lil hinn mill-periklu. Esprimiet tħassib li t-tfal li qed jaqgħu mis-sistema edukattiva se jkunu l-adulti fqar tal-futur.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Kmieni dalgħodu seħħet ħabta frontali bejn mutur u trakk f’Ħal Qormi li ħalliet sewwieq ta’ mutur midrub. L-inċident seħħ fi Triq il-Ħammieri fis-7.30am li fih kienu nvoluti sewwieq ta’ mutur…

Elezzjoni

Ir-Renju Unit u l-Olanda huma l-ewwel pajjiżi li bdew jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Se jkunu kważi 427 miljun ċittadin tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) li se jivvutaw bejn illum u…

Elezzjoni

F’attività oħra fil-Fgura l-Erbgħa tard filgħaxija, il-Mexxej Laburista rrefera għad-dibattitu bejnu u bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li matulu Adrian Delia kkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista tilef lilu nnifsu. Fost affarijiet…

Aktar