Annimali
Għall-ewwel darba f’70 sena, tbid fekruna fir-Ramla f’Għawdex

Żona fil-bajja tar-Ramla f’Għawdex se tibqa’ tiġi mgħassa għax-xahrejn li ġejjin, wara li tard ilbieraħ filgħaxija fekruna tal-baħar telgħet u biedet fuq ir-ramel. Il-bejta tal-fkieren tinsab fil-bidu tal-proċess ta’ inkubazzjoni li s-soltu jieħu bejn ħamsin u sittin jum.

Fekruna tal-baħar il-Ġimgħa filgħaxija telgħet tbid fil-bajja tar-Ramla f’Għawdex. F’dan l-istadju deskritt bħala sensittiv ma jkunx magħruf kemm hemm bajd fil-bejta. Il-fekruna ntlemħet tiela’ mill-baħar għall-ħabta tal-għaxra tal-Ġimgħa filgħaxija u reġgħet niżlet fil-baħar wara siegħa u nofs. Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust Malta, Vincent Attard, f’Għawdex kienet ilha ma tiġi reġistrata bejta tal-fkieren sebgħin sena.

Angelique Lofaro min-Nature Trust spjegat li l-voluntiera tal-għaqda f’Għawdex kienu fuq il-bajja minuti biss wara li l-fekruna biedet biex jgħassu l-bejta. Hija spjegat kif il-bejta trid tiġi protetta matul ix-xahrejn li ġejjin biex jekk kollox imur tajjeb il-bajd ifaqqas fl-aħħar nofs ta’ Lulju.

”Issa li għada fil-bidu tal-inkubazzjoni rridu nagħmlu perimetru mad-dawra tal-bejta biex aħna nkunu nistgħu nipproteġuha. Fuq din il-bajja hawn ħafna ġrieden u hawn dawk li aħna ngħidulhom ghost crabs li jekk aħna ma nipproteġux in-naħa tal-bejta dawn jafu jidħlu, speċjalment il-ġrieden il-bajd ixommuh u jħaffru biex huma jieklu l-bajd. Allura l-ewwel proċess illum huwa li nagħmlu l-perimetru ħalli aħna nipproteġu l-bejta minn ġewwa.”

Lejn l-aħħar tal-inkubazzjoni, li tieħu bejn ħamsin u sittin ġurnata, ikun wasal iż-żmien li l-bajd ifaqqsu u għalhekk jittieħdu miżuri oħra li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-fkieren lejn il-baħar. Sadanittant, konxja li dan l-avvenimnent se jattira aktar nies lejn il-bajja tar-Ramla, Angelique Lofaro appellat biex il-bejta tiġi rispettata speċjalment fil-proċess tal-inkubazzjoni.

”Ma jkunx hemm mużika għolja ħafna speċjalment bil-base għoli ħafna għax il-vibrazzjonijiet tal-base jaffettwaw ħafna l-iżvilupp tal-bajd u li ma jkunx hawn dawl qawwi speċjalment lejn l-aħħar tal-inkubazzjoni għax jekk ifaqqsu u jkun hemm dawl abjad qawwi, flok imorru lejn il-baħar imorru lejn id-dawl artifiċjali, allura jiġu diżorjentati.”

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ġiet infurmata minnufih u qalet li se tinħareġ Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza biex ikun żgurat li ż-żona tkun aktar protetta. L-Awtorità wissiet li tista’ tittieħed azzjoni legali f’każ li tkun ikkawżata ħsara jew b’xi mod jitneħħew il-bajd – bil-multi jvarjaw bejn 500 għal kważi 2,400 ewro għal kull bajda.

Nature Trust Malta qalet li l-aħħar darba li fekruna biedet f’Malta kien sentejn ilu.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Heritage Malta qed tħabbar li fi tmiem din il-ġimgħa, is-Sibt 18 u l-Ħadd 19 ta’ Lulju, is-sit ta’ Ħaġar Qim se jkun magħluq għall-pubbliku minħabba tiswijiet li jeħtieġ isiru fuq…

COVID-19

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, qed jippubblika l-COVID-19 Transition Guidelines għall-produzzjonijiet artistiċi li se jiġu organizzati f’teatri pubbliċi u privati, kemm fuq ġewwa u…

Kronaka

Mara mill-Italja ta’ 25 sena residenti n-Naxxar, tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fis-Swieqi. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30am fi Triq Sant’ Andrija, fis-Swieqi. Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta…

Saħħa

Fil-preżent f’Malta hawn madwar 220 pazjent b’mard fil-kliewi u li jieħdu trattament ta’ haemodialysis b’mod regolari mill-Isptar Mater Dei. Biex il-magni tal-haemodialysis ikunu jistgħu jaħdmu jkollhom bżonn ilma purifikat. Għal dan l-għan fir-Renal…

Aktar