Ekonomija u Finanzi
Għall-ewwel darba f’bosta snin il-gvern ħareġ stocks b’ammonti kbar

Fl-ewwel xahrejn tas-sena, il-Gvern kellu żbilanċ ta’ aktar minn €98 miljun; €35 miljun aktar milli kellu fl-istess xahrejn is-sena l-oħra.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li d-dħul tal-Gvern sa Frar kien għadu qed jiżdied.

Fl-ewwel xahrejn tas-sena, id-dħul rikurrenti tal-Gvern żdied b’aktar minn €23 miljun.

Fl-istess perjodu, in-nefqa tal-Gvern kompliet tikber ukoll, fosthom nefqa rikurrenti akbar ta’ kwazi €63 miljun u ta’ €2 miljun oħra għal proġetti kapitali.

Id-dejn tal-Gvern sa Frar kien ta’ kważi €5,544 miljun.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern mistennija tkompli tinbidel bil-pakketti finanzjarji li tħabbru minħabba l-kriżi tal-coronavirus.

Fil-fatt, għall-ewwel darba f’bosta snin, it-teżor ħabbar il-ħruġ ta’ stocks tal-gvern f’ammonti kbar. B’din il-ħarġa ta’ stocks, il-Gvern ser jissellef sa €300 miljun.

Iż-żewġ stocks li għandhom rata fissa ta’ imgħaxx ser jinbigħu b’irkant u ser ikunu għal ħames snin jew disa’ snin. L-inqas offerta għax-xiri tagħhom hi ta’ nofs miljun ewro u għaldaqstant jidhru li huma mmirati għall-istituzzjonijiet finanzjarji.