COVID-19
Għall-ewwel darba ma jinstab l-ebda każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li llum ma nstab l-ebda każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta.

Din hija l-ewwel darba mindu kien ikkonfermat l-ewwel każ ta’ Covid-19 f’Malta fis-7 ta’ Marzu. Fl-aħħar 24 siegħa, l-awtoritajiet tas-saħħa għamlu 612-il swab test.

Dr Fearne ħabbar ukoll li 33 oħra kienu kkonfermati mfejqa. Waqt li rrefera għar-rata ta’ tifrix tal-virus li hija baxxa, qal li qed ikollna iktar nies li jfiqu milli jimirdu.

Qal li dawn huma aħbarijiet pożittivi li jagħmluna kburin, għax mhux il-pajjiżi kollha kellhom dawn ir-riżultati. Huwa qal li dawn ir-riżultati huma sforz il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet u anki tal-pubbliku li kien responsabbli.

Qal li l-awtoritajiet daħħlu miżuri f’waqthom skont l-evidenza xjentifika li kellhomminn żmien għal ieħor. Irnexxielhom ukoll għax għandna sistema tas-saħħa robusta. “Irnexxielna nagħmlu testing, contact tracing b’mod rigoruż, irnexxielna nagħmlu iżolament u żammejna nies fi kwarantina. Dan irridu nibqgħu nagħmluh.”

Qal li l-pajjiż irnexxielu wkoll għax il-pubbliku huwa responsabbli u dixxiplinat li qed jisma’ u jaġixxi b’sagrifiċċju. Sostna li l-miżuri u din ir-responsabilità għad hemm lok tagħhom għax il-pandemija madwarna għadha ma spiċċatx.

Id-Deputat Prim Ministru qal li fil-jiem li ġejjin se jkunu studjati liema miżuri se jibdew jiġu llaxkati b’mod gradwali. Qal li pajjiżi li naqqsu l-miżuri b’mod mgħaġġel kellhom it-tieni mewġa li kienet qawwija, u għalhekk qal li l-awtoritajiet ħa jibqgħu jimxu fuq pariri bbażati fuq ix-xjenza biex għal darb’ oħra flok tsunami jkollna biss xmara.

Ħabbar li fil-jiem li ġejjin l-awtoritajiet se jvaraw ‘app’ biex tgħin persuni jidentifikaw lilhom infushom jekk ikunu f’riskju li jieħdu l-virus.

Segwi l-konferenza hawn:

Id-Deputat PM u Ministru għas-Saħħa jindirizza konferenza stampa dwar il-Covid-19

Id-Deputat PM u Ministru għas-Saħħa jindirizza konferenza stampa dwar il-Covid-19

Gepostet von Television Malta am Sonntag, 26. April 2020

Ara wkoll:

Għadu mhux il-waqt li jiġu llaxkati l-miżuri – Id-Deputat PM

L-età medja tal-każijiet ta’ Covid-19 f’Malta kienet ta’ bejn l-20 u l-35 sena

Is-swabs mhux se jsiru mandatorji għall-popolazzjoni ġenerali

Kif taħdem l-App tal-Covid-19 li se jkollna f’Malta dalwaqt?