Lokali
“Għall-grazzja t’Alla għadni hawn”

Uġigħ kbir f’rasha wassal għal operazzjoni b’urġenza li ħadet aktar minn disa’ sigħat biex tneħħa tumur. Din hi l-esperjenza li għaddiet minnha xahrejn ilu mart il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, f’eżempju ieħor li l-mard m’għandux żmien u jilħaq lil kulħadd.

Xahrejn ilu, ħasset uġigħ kbir f’rasha waqt li kienet rieqda. “Kienet qisha splużjoni żgħira f’moħħi. Dik kienet id-deskrizzjoni eżatt. Għedtlu nieħu żewġ pilloli u tgħaddi bħas-soltu” qalet Melanie Abela.

Binha, Andrea, ma kienx kuntent bir-risposta. Minn wara daharha, ċempel lit-tabiba tal-familja. Bagħtitha tagħmel MRI l-isptar. L-affarijiet mill-ewwel ma dehrux sbieħ.

“Għedtilha ‘u issa, x’se jiġri?’. Qaltli ‘imma qed tifhimni x’qed ngħidlek?’ Għedtilha ‘iva, u issa x’se jiġri?’. Qaltli operation. Dik kienet. Operazzjoni malajr.”

Daqqa oħra għaliha kienet meta t-tobba qalulha li jkollhom iqaxxrulha xagħarha.

“Bdejt ngħid kif se nħares lejja nnifsi u lejn il-mera b’xagħri mqaxxar? Bil-ferita tidher? Jien lesta nħares lejja? Ma kontx lesta, le.”

Moħħha beda jiġri biha sakemm it-tobba tawha l-loppju. “Tibda tgħid jien se nqum minn hemm? Iva kien hemm ħsieb.”

L-operazzjoni biex jitneħħa t-tumur damet 9 sigħat. “It-tumur tant kien kbir li l-moħħ mexa fuq naħa waħda. Kont ngħid jien se nerġa’ niġi lura? Se nerġa’ niġi lura?”

Il-jiem ta’ wara l-operazzjoni ma kinux faċli; speċjalment għal żewġha . . . il-Ministru Carmelo Abela u wliedha.

“Irrifjuta ċertu safar li seta’ jirrifjuta. Oħrajn ma setax imma u kienet diffiċli għalih li jħalli lili f’dak l-istat u jsiefer fuq ix-xogħol.”

Is-Sinjura Abela reġgħet lura fir-rutina tal-familja. Għalkemm kull 6 xhur trid tibqa’ tagħmel it-testijiet, tħossha xxurjata li l-Milied se tqattgħu mal-għeżież tagħha. “Iva. Ħafna. Eħ. Inkredibbli. Qisha ħolma li għaddiet. Ngħid għall-grazzja tal-ħanin Alla, għadna hawn. Yes. ”

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-ġurnal Times of Malta rrapporta kif f’Settemrbu tal-2018, in-negozjant Yorgen Fenech u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta siefru flimkien biex isegwu logħba futbol. Ġie rrappurtat kif Fenech li qed jiġi…

Kultura

Fil-Kapitali se tibda kompetizzjoni mużikali b’differenza hekk kif il-ġurija mhux biss se tivvota għall-aqwa siltiet u prestazzjoniet iżda għall-aqwa vjolin. Matul il-Malta International Violin Making Competition se jiġu ġġudikati 70…

Kisbiet

Charlayne Galea, segretarja f’kumpanija tad-diving ibbażata x-Xlendi, rebħet il-Premju Ħaddiem tas-Sena fil-qasam tat-turiżmu mogħti mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu. Matul is-serata ta’ premjazzjoni ġew rikonoxxuti l-aħwa Ġużeppi u George Said għall-kontribut u…

Aktar