Safar
Għall-irħas btala f’belt Ewropea l-aħjar tmur…

Jekk qed tippjana btala qasir f’belt Ewropea, fejn hemm ikel tajjeb, bosta attivitajiet kulturali u storja interessanti, wisq probabbli li se tagħżel l-irħas destinazzjoni li hawn fis-suq.

Skont il-kalkolu annwali magħruf bħala City Costs Barometer li jsir mill-Posta tar-Renju Unit l-irħas btala f’belt Ewropea hija f’Vilnius fil-Litwanja.  Din il-belt spiċċat l-irħas meta ġie kkalkulat il-prezz ta’ kikkra kafè, il-ħlas għall-mużewijiet u l-ispiża għall-akkomodazzjoni ta’ żewġt iljieli f’lukanda ta’ 3 stilel għal żewġ adulti.

Il-kapital Litwena hija magħrufa wkoll għall-parti antika medjevali, l-arkitettura barokka, l-arti moderna fit-toroq u t-tiżwiqa storika li għandha.  It-total tal-btala f’Vilnius, skont dan l-indiċi huwa ta’ madwar €170.

L-iktar belt għolja għal btala qasira fuq is-silġ u l-borra hija f’Reykjavik fl-Iżlanda hekk kif l-ispiża meta jiġu kkalkulati dawn l-affarijiet kollha tiġik kważi €540.  Il-belt Iżlandiża spiċċat l-aħħar f’dawn l-indiċi li qabblu l-prezzijiet fi 48 belt Ewropea differenti.

Minbarra Reykjavik, fost l-iktar għoljin għall-btala hemm Amsterdam (Olanda), Oslo (Norveġja), Helsinki (Finlandja) u Copenhagen (Danimark), filwaqt li fost l-irħas insibu lill-Belgrad (Serbja), Varsavja (Polonja), Istanbul (Turkija) u Bukarest (Rumanija).

L-ibliet fil-Lvant tal-Ewropa huma fost l-irħas għall-btala, filwaqt li jekk tixtieq tgawdi x-xemx u l-baħar issib lil Porto fil-Portugall bħala destinazzjoni rħisa.  L-ikel fil-Greċja huwa fost l-irħas fl-Ewropa.

Skont dan il-barometru, jirriżulta li l-prezzijiet donnhom naqsu xi ftit meta mqabbel mas-sena li għaddiet, tant li l-ispiża biex tmur Venezja fl-Italja naqset bi 23% f’sena minkejja li għandha problema kbira ta’ numru eċċessiv ta’ turisti.

Il-Belt Valletta ma kinitx fost id-destinazzjonijiet Ewropej li ġew mistħarrġa minn dan il-barometru.