Lokali
Għalliem isib spalla minn ex studenti tiegħu biex jaqta’ l-vizzju tad-droga

Clifford Galea: Kantant, edukatur, kunsillier, u personalità televiżiva, għal sentejn sħaħ intrikeb mill-vizzju tad-droga. Illum reġa’ skopra lilu innifsu u qed iwassal messaġġ biex jagħmel kuraġġ lil min għadu maħkum mid-droga.

Clifford Galea għamel suċċess fil-ħajja politika, bħala riċerkatur tal-istorja, kantant u bħala personalità televiżiva. Iżda xorta ħass li ma kellux biżżejjed u bħal ħass vojt kbir f’ħajtu. Qal li meta daq għall-ewwel darba d-droga kokaina fil-forma crack, ħaseb li kienet se tkun xi ħaġa ta’ darba. Imma għarralu, għax intrikeb mid-droga u spiċċa lanqas jagħraf lilu nnifsu.

Clifford qal, “Tibda tagħmel affarijiet li ma temminx, ma żżommx commitment, taqa’ għaċ-ċajt u xorta tagħmel, tigdeb, jiġbdulek l-attenzjoni ex studenti tiegħek, li wkoll ghenuni fl-irkupru, suppost kont qed nagħti eżempju.

Ma kinitx faċli għal Clifford li jammetti li kellu problema. Qalilna li d-droga daħħlitu f’dejn ta’ eluf ta’ ewro.

“Il-flus huma enormi, id-dejn li tagħmel huwa kbir u għalhekk about time li naħdmu fuqha. Tbati l-familja, hija repercussion effect,” qal Clifford.

Is-Sur Galea qal li biex itaffi ftit mill-paroli tan-nies, mar jagħmel ir-rijabilitazzjoni fiċ-ċentru OASI f’Għawdex fejn għamel programm ta’ tliet xhur u issa fieq.

Clifford huwa involut f’diversi proġetti kreattivi u anke ħareġ ktieb b’risq iċ-ċentru OASI, b’riċetti ta’ dak li jieklu ġoċ-ċentru. Clifford anki ltaqa’ mal-Papa Franġisku u jgħid li t-twemmin f’Alla kien dak li għenu biex ifieq.

Sosnta, “Trid temmen temmen u temmen, trid tgħid se nieqaf, mhux tieħu tal-aħħar, għax darba huwa ħafna u ħafna mhux biżżejjed.”

Minkejja li dak li għadda minnu tibqa’ ferita għalih u għall-familja tiegħu, se jibqa’ kuraġġuż u pożittiv u jimxi ‘l quddiem.

Jgħid li qed jitkellem fil-pubbliku fuq dak li għadda minnu għax irid iwassal il-messaġġ li din il-problema tista’ taħkem lil kulħadd, sew jekk intix kennies, edukatur, avukat, jew f’kariga ogħla minn dan.