Edukazzjoni
Għalliema u ġenituri jitolbu li jiġu kkonsultati fuq il-ftuħ tal-iskejjel

Jirranka d-dibattitu dwar x’se jiġri fit-28 ta’ Settembru li ġej; id-data li ġiet identifikata għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.

Wara li lbieraħ il-Ministeru tal-Edukazzjoni ppubblika linji gwida bi tliet xenarji differenti, tlabna r-reazzjoni tal-Union tal-Għalliema u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Istudenti li jattendu Skejjel tal-Istat. Huma qalu li jeħtieg iktar miżuri konkreti dwar il-kundizzjonijiet tal-għalliema u l-esiġenzi tal-ġenituri.

Qed jitolbu li fix-xahar u nofs li fadal jiġu kkonsultati f’dan ir-rigward, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija ta’ meta l-iskejjel, mill-kindergarten sas-sekondarja għandhom jiftħu l-bibien tagħhom.

Bil-Ministeru tal-Edukazzjoni jimmira li l-iskejjel jerġgħu jiftħu fit-28 ta’ Settembru li ġej, Television Malta staqsa lill-President tal-MUT, Marco Bonnici, u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Istudenti fl-Iskejjel tal-Istat, Glorianne Borg Axisa, jaħsbux li dan jista’ jsir.

“Fiċ-ċirkostanzi tal-lum b’dawn in-numri jien nara li mhux fattibbli li nħarsu lejn ftuħ tal-iskejjel b’dawn in-numri li għandna bħalissa. Irridu nħarsu però lejn iċ-ċirkostanzi meta naslu għas-sitwazzjoni kif se tkun f’Settembru li ġej meta niġu għall-ftuħ tal-iskejjel… is-sitwazzjoni għadha fluwida ħafna.”

“Nittama għallinqas li dan ikun possibbli jekk minn issa jittieħdu miżuri drastiċi kif ittieħdu f’Marzu u April biex tiġi kkontrollata l-imxija,” qalet is-Sinura Borg Axisa.

L-għada li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ppubblika l-linji gwida dwar pjan ta’ kontinġenza għall-iskejjel minħabba l-coronavirus, l-għalliema u l-ġenituri qalu li jistennew aktar konsultazzjoni.

“Huma linji gwida li suppost huma miftuhin ghall-konsultazzjoni. Problema li ħargu lbieraħ bħallikieku huma ben fatt. Mhumiex ben fatt. Iċċarajniha anki mal-ministeru din ilbieraħ stess,” qal is-Sur Bonnici.

“M’hemmx rappreżentanza tal-ġenituri fuq din it-task force però anki f’komunikazzjoni li kellna lbieraħ mal-Ministeru nafu li dawn il-linji gwida għadhom qed jiġu diskussi. Mhumiex finalizzati,” qalet is-Sinura Borg Axisa.

Is-Sur Bonnici, President tal-MUT, isostni li ma’ dawn il-linji gwida jistenna affarijiet oħra.

“L-ewwelnett li l-protokolli tas-saħħa li aħna qed nesiġu li l-ministeru jippubblikah malajr ħa nkunu nafu fejn qegħdin. Dik l-ewwel ħaġa. It-tieni li jkun hemm linji gwida rigward kundizzjonijiet tax-xogħol. Dik hija diskussjoni li qed nagħmlu mal-ministeru u qed nittamaw li jiġu skattati matul ix-xahar u nofs li għandna.”

Is-Sinjura Borg Axisa, hija ġenitur imma wkoll għalliema. Tistenna aktar flessibilità biex il-ġenituri jaqdu r-rwoli diversi li għandhom. “Ma nistgħux naraw kuntest iffukat fuq l-edukazzjoni tfal biss imma wkoll li ġenituri għandhom commitments oħra fis-soċjetà, fosthom commitments ta’ xogħol.”

Fost it-tliet xenarji li ssemmew, teżisti l-alternattiva li t-tfal jattendu l-iskola billi jalternaw jew saħansitra b’uħud isegwu mid-dar. Imma mhux kulħadd konvint kemm din is-sistema tista’ taħdem.

“Aħna diġà ddikjarajna li l-hybrid għandu problemi kbar biex tħaddmu, kemm mil-lat ta’ riżorsi umani – m’għandniex biżżejjed personnel biex iħaddmu kemm mil-lat ta’ spazju, implikazzjojnijiet fuq ġenituri, edukaturi u tfal li qegħdin magħhom u l-għada le. Hemm problemi kbar fuq dak ix-xenarju.”

Sadanittant il-Union tal-Edukaturi Professjonali – il-UPE Voice of the Workers – fi stqarrija qalet li hija ma kinitx ikkonsultata dwar ix-xenarji proposti. Qalet li jekk il-Ministeru jinsisti li jiftaħ l-iskejjel bin-numri ta’ infezzjonijiet kif inhuma bħalissa, il-union se tieħu l-miżuri neċessarji biex tħares lill-membri tagħha. Dwar ix-xenarju li l-istudenti jalternaw l-attendenza fl-iskejjel, il-UPE qalet li dan mhux realistiku. Qalet ukoll li hija tibqa’ kontra li l-għalliema jagħtu tagħlim dirett online.

Aħbarijiet Oħra

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u Festivals Malta ħadu d-deċiżjoni sabiex l-14-il edizzjoni ta’ Notte Bianca tiġi mibdula f’attivitajiet distinti u separati mifruxa fuq…

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li anzjana ta’ 91 sena mietet waqt li kienet għadha każ attiv bil-Covid-19. L-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fis-26 ta’ Awwissu u ddaħħlet l-isptar Mater Dei fis-6…

Studju maħruġ minn diversi esperti Maltin fil-qasam tas-saħħa fosthom il-Professur Charmaine Gauci, jgħid li Malta qed tesperjenza t-tieni mewġa ta’ Covid-19 kawża ta’ żewġ avvenimenti tal-massa li saru fis-sajf. Fl-istudju…

Aktar