Politika
“Għandhom jiġu investigati dawk li ssemmew fl-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia”

Fit-tnedija uffiċjali tal-kampanja tiegħu għall-Mexxej tal-Partit Laburista, id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, wiegħed li fl-ewwel 100 jum jorganizza konferenza dwar is-saltna tad-dritt biex fi kliemu jissolvew il-problemi li għaddej minnhom il-pajjiż.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, nieda uffiċjalment il-kampanja tiegħu għall-elezzjoni tal-Mexxej tal-Partit Laburista tal-11 ta’ Jannar. F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Fearne elenka 10 punti, ibbażati fuq il-manifest elettorali, li qal jekk ikun Prim Ministru se jimxi fuqhom biex imexxi l-pajjiż ‘il quddiem.

Dr Fearne wiegħed li fl-ewwel 100 jum ilaqqa’ konferenza dwar is-saltna tad-dritt f’Malta bis-sehem tal-Gvern, l-Oppożizzjoni, il-partiti politiċi, is-soċjetà ċivili u rapprażentanti tal-istituzzjonijiet biex fost oħrajn issir diskussjoni dwar it-tisħiħ fil-mod kif jinħatru l-ġudikanti u l-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

“Dan ifisser illi l-konferenza, mhux tkun ta’ ġurnata imma tieħu l-ħin li għandha bżonn, tfassal għal way forward. Imbagħad inkunu nistgħu nimplimentaw biex inħolqu din il-problema, din is-sitwazzjoni illi nħolqot fil-pajjiż u niżguraw li ma tirrepetix ruħha fil-futur. Din il-konferenza mbagħad tkun il-bażi li biha niddiskutu wkoll it-tibdil fil-Kostituzzjoni.”

Dwar l-ekonomija, Dr Fearne qal li biħsiebu jkompli jibni fuq il-mudell preżenti filwaqt li jassigura iktar trasparenza fil-kuntratti pubbliċi. Huwa qal li Gvern immexxi minnu jkompli jaħdem man-negozji iżda ma jitmexxiex minnhom.

Dwar l-ambjent, il-Ministru Fearne wiegħed aktar ġonna u spazji pubbliċi fil-lokalitajiet. Il-Ministru Fearne tkellem dwar il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għall-istess xogħol u impenja ruħu li jimplimenta dan il-kunċett fid-dipartimenti kollha tal-Gvern. Qal li din il-miżura se tiswa lill-Gvern iktar minn €10 miljun.

Fuq l-immigrazzjoni, Dr Fearne qal li filwaqt li Malta għandha tibqa’ ħanina, jeħtieġ li tħares l-interessi nazzjonali. Qal li jeħtieġ infrastruttura b’saħħitha biex tilqa’ għad-domanda tal-ħaddiema barranin filwaqt li tenna l-impenn biex tissolva l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali.

Dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta, Dr Fearne ħeġġeġ għal djalogu mal-istituzzjonijiet Ewropej fosthom mal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista. Mistoqsi jekk id-Deputat Robert Abela jkollux post fil-Kabinett tiegħu, Dr Fearne faħħar il-kapaċitajiet tiegħu u qal li jħares ‘il quddiem li jaħdem mal-Grupp Parlamentari kollu.

Mistoqsi jekk l-ex Chief of Staff, Keith Schembri, għandux ikun investigat b’rabta max-xhieda li ngħatat fil-Qorti, Dr Fearne qal li għandhom jiġu investigati l-persuni kollha li ssemmew. Qal li għandu jiġri l-istess dwar l-iskandlu taż-żejt u l-każijiet ta’ qtil ta’ Karin Grech u Raymond Caruana.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Il-Karnival iferraħ lil ħafna nies, minn tfal sa kbar, b’nies bħal Ġeorge Żahra li ilu nvolut fil-Karnival għal nofs seklu. Iħossu qisu tifel meta jasal Frar u jibda r-Renju tal-bluha….

Riċerka

L-użu tal-Malti u l-Ingliż ser jiġi analizzat permezz ta’ serje ta’ seminars organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti taħt il-patriċinju tal-President George Vella. Thomas Pace, id-direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti qal li l-istudju…

Stejjer Umani

F’Dar Frate Jacoba f’Marsaskala, sibna żewġt itfal qed jiġu mgħallma s-sengħa tar-raħħala, b’nagħġa għadha twelled u qed tisqi lill-frieħ tagħha. Fr Ray Scicluna li ilu jmexxi d-dar qalilna li t-tmint…

Aktar