Lokali
“Għandi kull interess li ngħin lill-PN anki f’elezzjoni ġenerali”

L-ex Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, wera x-xewqa li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss biex fi kliemu jibqa’ jgħin lill-Partit Nazzjonalista f’dak kollu li hu possibbli. F’kummenti lill-ġurnalisti qabel daħal fil-Parlament, Dr Delia qal iżda li din id-deċiżjoni ma jistax jiddeċidiha waħdu.

L-ex Kap Nazzjonalista stqarr li jinsab f’paċi miegħu nnifsu għax fil-kuxjenza tiegħu jaf li għamel dak kollu possibbli għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista. Mistoqsi dwar l-ewwel laqgħa mal-Kap il-ġdid Bernard Grech, Dr Delia qal li offra l-lealtà kollha tiegħu lejn il-Kap il-ġdid.

L-Avukat Delia qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista stiednu biex jagħti sehmu u jipparteċipa fil-grupp parlamentari Nazzjonalista. Żied jgħid li se jibqa’ jagħti kollox għax il-ħeġġa li kellu biex il-Partit Nazzjonalista jkun tan-nies għadha hemm.

Dwar jekk jiddispjaċihx li daħal għall-politiku, Dr Delia stqarr li għalkemm tilef ħafna, qal li akkwista ħafna wkoll għax sar jaf nies ġodda meta daħal fi djarhom. Wiegħed li se jibqa’ jagħti kollox għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiż.