Stejjer Umani
“Għandi l-awtiżmu u mhux se naqta’ qalbi milli nirnexxi”

Ġuvni bl-awtiżmu qal lil TVM li flimkien ma’ żgħażagħ oħra jrid li jqanqal kuxjenza pożittiva li min għandu din il-kundizzjoni xorta waħda jista’ joffri ħafna lis-soċjetà.

Jacob Callus tkellem ma’ TVM dwar l-isfidi li ffaċċja, filwaqt li qal jixtieq jispira nies oħra b’din il-kundizzjoni biex jemmnu fihom infushom u fil-ħiliet tagħhom.

Jacob Callus huwa ġuvni ta’ 21 sena, student fl-Università ta’ Malta, u qed jagħmel Masters fl-Istudji Ewropej. Meta kellu 9 snin, kienu membri tal-familja tiegħu li skoprew li għandu l-kundizzjoni tal-aspergers, li hija parti mill-ispettru tal-awtiżmu.

“Ħabba l-aspergers fil-Matematika ma kontx qed nagħmel progress u kont inbati, mhux kunfidenti b’mod soċjali, daqskemm hemm żvantaġġi hemm aspetti pożittiv wkoll.”

Il-ġuvni rrakkonta ma’ TVM li minkejja l-isfidi bil-kundizzjoni tal-aspergers għandu wkoll vantaġġi għaliex f’ċerti suġġetti jirnexxielu javvanza b’ħeffa. Bl-entużjażmu li jtejjeb ħajjet dawk li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu, Jacob ingħaqad ma’ żgħażagħ oħrajn bl-awtiżmu biex flimkien iħejju proposti għal titjib fil-ħajja tat-tfal, adulti u l-familji tagħhom li għandhom din il-kundizzjoni.

“Qegħdin naħdmu fuq politka dwar studenti bl-awtiżmu fl-iskejjel, u noħolqu politika dwar nies f’awtiżmu fid-dinja tax-xogħol biex jiġu integrati.”

Matul ix-xahar t’ April il-Fondazzjoni Inspire qed tagħmel il-kampanja “What Autism Has Taught Me” bil-ħsieb li tqajjem aktar kuxjenza dwar l-awtiżmu fost il-pubbliku.

Sot: Charlene Borg
Fondazzjoni Inspire.
“nagħtu sapport lis-sistema tal-familja kollha, għax kulħadd għandu bżonn is-sapport u l-edukazzjoni tal-ġenituri se jgħinu lill-uliedhom u kif se jgħinu lilhom infushom”

Fil-preżent, il-Fondazzjoni Inspire tipprovdi appoġġ lil 155 persuna fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Madwar id-dinja huwa stmat li wieħed minn kull 54 tifel u tifla jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu.