“Għandna bżonn l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, bil-fatti u mhux bil-kliem”

L-Immigrazzjoni irregolari hija problema Ewropea u mhux ta’ Malta biss, imma l-pajjiżi Ewropej qegħdin jgħinu biżżejjed?
Statistika maħruġa mill-UNHCR tindika li kien hemm qabża kbir bejn l-ammont ta’ immigranti irregolari li rċeviet Malta fl-2017 meta komparata mas-sena 2018, 2019 u 2020. Il-maġġoranza tal-immigranti irregolari li jaslu pajjiżna jkunu ġejjien mis-Sudan, il-Bangladexx, L-Eritreja, is-Somalja u n-Niġerja. Ħafna minn dawn l-immigranti jinżammu fiċ-ċentri miftuħa u fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo spjega li l-qabża fin-numru ta’ immigranti irregolari bejn l-2017 u l-2018 hija bażata fuq il-fatt li fl-2017 ma tħallewx joħorġu għaliex kien hemm arranġamenti mal-Italja biex jew l-Italja tiġbor d-dgħajjes jew arranġamenti mal-Libja biex kemm jista’ jkun ma jitħallewx joħorġu. Dan l-arranġament inbidel meta Renzi spiċċa mill-Gvern u ġie elett Salvini u n-nies tiegħu li dawn bl-ebda mod ma riedu li titkompla dik is-sitwazzjoni. Fil-preżent Malta qed titlob biex taħdem flimkien mal-Libja, biex kemm jista’ jkun jiġu kontrollati d-dgħajjes li jitilqu minn hemm. “Għalkemm din is-sena waslu f’pajjiżna 2,500 immigrant irregolari, bis-saħħa tal-ftehim li sar mal-Libja, żammew 5,200 immigrant irregolari milli jitlaq minn hemm” sostna l-Ministru Bartolo.

“Il-Patt dwar l-Immigrazzjoni huwa pass fit-triq it-tajba biss għalina mhux biżżejjed. Għandna bżonn l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, bil-fatti u mhux bil-kliem”.