“Għandna d-dritt nagħlqu l-aċċess għal Manoel Island iżda se nidħlu f’diskussjonijiet” – il-Kap Eżekuttiv tal-MIDI

Il-konsorzju MIDI reġa’ għalaq bi gradi l-aċċess għax-xatt ta’ Manoel Island. Madankollu l-Kap Eżekuttiv tal-MIDI indika li qed isiru taħditiet biex jinstab kompromess li jipprovdi aċċess limitat għax-xatt. Il-Kamp Emergenza Ambjent waqt li oġġezzjona għall-għeluq tal-aċċess sejjaħ għal volontiera biex mal-Kunsill Lokali tal-Gżira jagħtu tindifa lil Manoel Island. Il-Kap Eżekuttiv tal-MIDI iżda sejjaħ biex dan ma jsirx.

L-aċċess għax-xatt ta’ Manoel Island reġa’ ngħalaq. Il-kap eżekuttiv tal-MIDI, Luke Coppini qal li l-konsorzju mhux jeskludi li bi ftehim mal-Gvern jista’ jkun hemm aċċess limitat għall-pubbliku għax-xatt ta’ Manoel Island.

“Il-pariri li għandna aħna hu li għandna dritt li nagħlqu l-aċċess. Madankollu ħa nidħlu f’diskussjonijiet mal-Gvern, li fl-aħħar mill-aħħar il-konċessjoni lill-MIDI ta l-Gvern biex jekk hemm xi mod li nistgħu nsibu ‘a happy medium’ u nagħtu xi forma ta’ aċċess għall-foreshore għall-inqas sakemm ikun hemm ħafna iżjed xogħlijiet għaddejjin”, qal il-Kap Eżekuttiv.

Il-kuntratt ta’ ċens għal 99 sena li l-konsorzju MIDI ngħatat mill-Gvern 16-il sena ilu jipprovdi li sakemm ix-xogħol fuq Manoel Island jitlesta, l-aċċess jista’ jibqa’ magħluq għalkemm is-Sur Coppini ammetta li l-foreshore mhix tal-konsorzju.

“Il-foreshore hija eskluża mill-konċessjoni tal-MIDI, jiġifieri aċċess għall-foreshore jista’ jkun hemm dejjem. Iżda dak ma jżommx il-MIDI lura milli tipproteġi s-sit privat tagħha u twaqqaf l-aċċess minn fuq il-proprjetà privata tagħha sakemm isir l-iżvilupp. Aċċess kemm-il darba ġejna mitlubin dejjem nagħtu”, qal is-Sur Coppini.

Is-Sur Coppini għamilha ċara li għalissa ma jistax ikun hemm aċċess liberu kullimikien minħabba periklu li hemm f’Forti Manoel u l-Isptar ta’ Lazzarett. Hu qal li meta l-proġett jitlesta għall-ħabta tal-2023, ikun hemm aċċess liberu inkluż għax-xatt u għas-siti storiċi kollha.

Kamp Emerġenza Ambjent tenna li l-aċċess għax-xatt huwa dritt tal-pubbliku u ddeskriva l-għeluq mill-ġdid tal-aċċess bħala illegali. Waqt li qed jikkunsidra l-azzjoni li se jieħu, l-attivisti ta’ Kamp Emerġenza Ambjent qalu li se jorganizzaw tindifa ġenerali f’Manoel Island.

Il-kap eżekuttiv tal-MIDI appella biex din l-attività tiġi sospiża u jsiru diskussjonijiet kif l-aħjar jimxu ‘l quddiem.

Il-konsorzju MIDI qal li s’issa investa mat-€30 miljun f’Manoel Island, ħafna minnhom fuq ir-restawr. Il-Perit Edward Said qal li x-xogħlijiet tar-restawr tlestew fl-2010.

“Sar ħafna xogħol bdil ta’ ġebel, ħafna xogħol rikostruzzjoni ta’ diversi partijiet tal-forti li waqgħu kaġun tal-gwerra jew telqa. Naħseb l-iktar ħaġa prominenti hija r-rikostrizzjoni tal-knisja ta’ Sant Antnin ta’ Padova li kienet l-aħħar fażi tar-restawr tal-parti interna tal-forti,” qal il-Perit Said.

Is-Sur Coppini qal li fl-aħħar xhur l-Awtorità tal-Ippjanar approvat ir-restawr tal-kappella ta’ San Ġorġ, bix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa għaddejja konsultazzjoni ma’ konsulenti barranin dwar il-finanzjament tal-proġett li se jiswa €5 miljun. Spjega li l-konsorzju MIDI qed ifittex sieħeb strateġiku għall-iżvilupp ta’ Manoel Island.

Is-Sur Coppini qal li tard ix-xahar id-dieħel għandu jitlesta l-master plan tal-iżvilupp ta’ Manoel Island, li qed jaħdmu fuqha l-periti ta’ Foster & Partners.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Fis-sentejn li għamlu Malta, il-Franċiżi ħallew timbru li għadu magħna sal-lum. Ħames xhur wara li Malta saret membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija, komplew l-attivitajiet biex ifakkru l-Jum Internazzjonali tal-Frankofonija, f’pajjiżi li…

Kronaka

Rumen ta’ 30 sena darab ġrieħi gravi wara li l-forklifter li kien riekeb fuqu nqaleb. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-23:15 ġewwa t-Tarzna fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid. Il-forklifter kien misjuq…

Kronaka

Għall-ħabta tat-3am, karozza tat-tip Nissan Juke nqerdet bin-nar fi Triq Giuseppi Cali, Ta’ Xbiex. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post fejn tfew in-nar li ħakem lill-karozza. Fl-inċident, żewġ vetturi oħra…

Aktar