COVID-19
Għandna nilbsu l-maskra?

Ma’ kull jum li jgħaddi jiżdied id-dibatittu u l-kontroversja jekk il-maskri jagħtux protezzjoni adegwata kontra l-coronavirus. L-opinjoni anke fost il-professjonisti hija maqsuma speċjalment fuq l-użu tal-maskri min-nies.

F’dawra mat-toroq wieħed malajr jinnota li l-maġġoranza assoluta tan-nies f’Malta mhumiex jilbsu l-maskra. F’xi pajjiżi, l-użu tal-maskri għalkemm mhux obbligatorju infirex sew fosthom f’pajjiżi tal-Asja, fl-Istati Uniti u anke fir-Repubblika Ċeka.

It-tabib Frank Portelli, mixħuf b’mewt bil-covid 19 ta’ oħtu Rosalie fi sptar fl-Ingilterra huwa fost dawk li jemmnu li l-maskra, jekk tintuża tajjeb, toffri protezzjoni.

“Aħna qed niġġieldu taf għalfejn qed niġġieldu? Għal ħajjitna. Jien qed nitkellem minn esperjenza personali issa. Mietet oħti b’din il-marda. U l-marda ħaditha mill-isptar. Mhux it-tort tal-isptar. L-isptar isir epiċentru tal-mard.”

It-tabib Portelli jemmen li l-maskri disposabbli jekk użati tajjeb iservu ta’ tarka kontra t-tixrid tal-mard.

“Inti trid tħares lejha li qisek għandek tissue ma’ ħalqek il-ħin kollu. Issa tissue meta tixxarrab tarmiha. L-istess il-maskra. Hija disposable. Jekk tixxarrab il-maskra inti tarmiha u tilbes oħra. Għalhekk jgħidulhom disposable. Il-maskra qiegħda hemmhekk biex inti min qed jilbisha ma jagħtihiex lil ħaddieħor, mela jekk nilbisha jien ma nagħtihiex lilek.  Meta xi ħadd infettat qed jilbisha, hu qed jilbisha biex ma jqassamhiex lil ħaddieħor. Allura inti tara per żempju l-iktar nies ħaduha mit-tobba huma t-tobba li jaħdmu viċin ta’ wiċċ il-pazjent.”

Sal-lum l-awtoritajiet tas-sahha f’Malta sostnew li għalkemm qed jevalwaw kollox għadhom qed jimxu mar-rakkomandazzjoni tal-Għaqda Dinija tas-Saħħa dwar l-użu tal-maskri. Dwar dan wieġeb ukoll id-deputat Prim Ministru Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet ta’ dalgħodu.

“F’każijiet fejn għandna persuni li qegħdin f’kuntatt ma’ persuni li għandhom il-virus jilbsu l-maskra biex jipproteġu lilhom infushom….però mbagħad jeżistu sitwazzjonijiet fejn inti tilbes il-maskra biex ma xxerridx il-mikrobu int. Jiġifieri jkollok il-mikrobu u tilbes il-maskra biex tipproteġi lil oħrajn… Aħna f’Malta għadna ma wasalniex f’dan l-istadju fejn tant għandna nies fil-komunita li toħroġ direttiva li kulħadd għandu jilbes maskra.”

Bil-maskra jew mingħajr, ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa fosthom biex tinżamm id-distanza u għall-ħasil spiss tal-idejn jibqgħu jgġoddu kemm għal min jilbes il-maskra kif ukoll dawk li ma jilbsuhiex.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar