Lokali
“Għandna speċi differenti ta’ dniefel u baleni fl-ibħra Maltin”

Il-proġett Sea Marvel huwa proġett ta’ riċerka li jħares lejn l-impatt tat-tniġġis fil-baħar inkluż mill-plastik. F’dan il-proġett se jiġu involuti diversi persuni minn oqsma varji tas-soċjetà u minnu mistenni jkun magħruf l-istat tal-baħar madwar il-gżejjer Maltin li minnu jiddependu kemm saħħitna kif ukoll l-ekonomija.

Il-ħlejjaq marittimi ewlenin fosthom id-dniefel u l-baleni huma indikaturi importanti ta’ kemm hu b’saħħtu l-baħar tagħna u huwa għalhekk li ssir riċerka kontinwa fuq dawn il-ħlejjaq. Riċerkatur fl-Università ta’ Malta, il-Professur Adriana Vella li ilha s-snin taħdem fuq diversi studji, qalet li f’Malta għandna speċi differenti ta’ dniefel u baleni.

“Sibna li mad-dawra tal-gżejjer Maltin aħna m’aħniex daqshekk ħżiena għax ħlejjaq differenti, speċi differenti ta’ dniefel u baleni jinstabu fl-ibħra tagħna.”

Qalet li l-baleni għandhom irwol importanti biex jimmitigaw il-bidla fil-klima. Bir-rwol tagħhom fl-ekosistema marittima, il-baleni jieħdu ħsieb is-saħħa tal-oċeani kif ukoll isostnu l-provvista tal-ħut. Il-Professur Vella qalet li studji li għamlu ekonomisti juru kemm il-baleni jagħtu kontribut siewi lill-ibħra fit-trażżin tal-bidla fil-klima.

“Ta’ min napprezzaw ix-xogħol attiv li dawn il-ħlejjaq qed jagħmlu fl-ibħra tagħna. Minħabba tniġġiż ta’ ħsejjes ta’ plastik ta’ problemi li qed insibu fl-ibħra tagħna ħafna minn dawn il-baleni qed jinstabu mejtin mal-kosti tal-Mediterran ħafna drabi mimlijin bil-plastik.”

Fost il-proġetti ta’ riċerka li qed taħdem fuqu bħalissa hemm Sea Marvel li jħares lejn l-impatt tat-tniġġiż inkluż mill-plastiks. F’dan il-proġett se jiġu nvoluti l-istudenti fl-iskejjel, iż-żgħażagħ, is-sajjieda, il-baħħara u nies li jagħmlu negozju mill-baħar. Qalet, li minkejja li bdew jittieħdu passi biex it-tniġġiż mill-plastik jonqos xorta għad hemm ħafna plastik li jispiċċa fil-baħar u issa wkoll dak li jissejjaħ microplastic.

“Dak il-plastik li jsir biċċiet żgħar, jidħol fis-sistema tad-dieta tal-annimali kollha fil-baħar u jispiċċa wkoll fid-dieta tagħna. Ma niskantawx jekk aħna nibdew insofru minn kundizzjoni ta’ saħħa li jkun affettwat minn dan it-tip ta’ tniġġiż jiġifieri hija serja ħafna.”

Żiedet tgħid li l-ambjent marittimu speċjalment għall-gżejjer Maltin hu importanti anki għaliex l-ekonomija tal-pajjiż hija bbażata fuq l-attivitajiet li jsiru fil-baħar.

“Ħafna mir-riżorsi li qed insibu mhux biss għall-ikel imma anki għall-mediċini, għat-tekonoloġija, qed nitkellmu fuq bijoteknoloġija u l-blue technologies, imma kemm qed nużaw dawn l-affariijiet kollha b’mod sostenibbli?”

Temmet tgħid li għalhekk ir-riċerka hija importanti biex ikun assigurat li l-ambjent marittimu jinżamm f’saħħtu u r-riżorsi tal-lum tibqa’ ssibhom il-ġenerazzjoni ta’ għada.