Ambjent
“Għandna tfal li qatt ma raw il-kwiekeb” – issir l-ewwel mappa tad-dawl artifiċjali f’Malta

Studju minn grupp ta’ xjentisti Maltin ħoloq l-ewwel mappa tad-dija tas-sema billejl, li turi l-firxa tat-tniġġis bid-dawl artifiċjali fl-arċipelagu Malti.

Ir-riċerka, li saret fuq numru ta’ snin, għadha kemm ġiet aċċettata għall-pubblikazzjoni f’ġurnal akkademiku awtorevoli, u turi li t-tniġġis bid-dawl qed jiżdied, b’konsegwenzi fuq l-ambjent, il-ħlejjaq, u anki s-saħħa tal-bniedem.

L-istudju wera li l-iktar post immniġġes bid-dawl artifiċjali huwa Birkirkara, waqt li f’Għawdex hemm ir-Rabat u Għajnsielem. L-iktar post mudlam f’Malta huwa l-Irdum tal-Vigarju, fil-limiti tar-Rabat, waqt li f’Għawdex l-inqas post mittiefes mid-dawl huwa Ta’ Ħarrux, qrib id-Dwejra.

Id-dija mal-lejl iġġib magħha ħafna konsegwenzi, kif spjega Dr Joseph Caruana mid-Dipartiment tal-Fiżika, l-Istudju Spazjali u l-Astronomija fl-Università ta’ Malta, li mexxa dan l-istudju. “Dawl eċċessiv u mhux iddisinjat tajjeb jista’ jkollu effett fuq l-ekoloġija u anki fuq is-saħħa tal-bniedem.”

Id-dawl qed jaffettwa ħażin ħlejjaq bħal fkieren, insetti u għasafar, fejn fost oħrajn, bħalissa Bird Life Malta għaddejja bi studji dwar l-impatt ta’ dan it-tniġġis fuq il-garni u ċ-ċief.

“Għandek ukoll rabta li ħarġet minn studji li saru bejn id-dawl artifiċjali bil-lejl u s-saħħa mentali, eżempju l-burdata ta’ dak li jkun, u anki tipi ta’ kanċer,” jispjega Dr Caruana.

Mill-aspett kulturali, id-dawl artifiċjali qiegħed itellef ukoll esperjenzi bażiċi tal-ħajja lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda. “Tiltaqa’ ma’ tfal tal-iskola li mhux talli anqas biss ikunu raw il-Milky Way, it-Triq ta’ Sant’ Anna ngħidulha bil-Malti, imma jgħidulek li lanqas il-kwiekeb ma jkunu raw, speċjalment tfal li jkunu trabbew f’postijiet affetwati iktar minn dan it-tniġġis tad-dawl.”

Dr Caruana jappella lill-awtoritajiet biex ikunu iktar sensittivi fl-użu tad-dawl f’postijiet pubbliċi, fosthom billi monumenti u faċċati ta’ knejjes jintfew tard bil-lejl.

“Imbagħad għandek ukoll dawl tat-toroq, fejn il-bozza li tintuża, f’Għawdex rajna li kienu nbidlu u saru full cut off, jiġifieri jitfgħu d-dawl ‘l isfel, pero l-kulur tal-bozza jaffettwa wkoll, ġifieri rridu mmorru għal bozoz li ma jagħtux f’dawl abjad lejn il-blu, imma jkunu iktar lejn l-isfar.”

Dr Caruana jisħaq li soluzzjonijiet sempliċi jistgħu jagħmlu differenza kbira, u jappella għal azzjoni immedjata biex id-dija mal-lejl ma tkomplix tiżdied.

Iktar tagħrif dwar dan l-istudju jista’ jinkiseb minn hawn.