Qasam soċjali
Għandu diżabilità iżda vvjaġġa waħdu lejn 64 pajjiż madwar id-dinja

Ta’ 23 sena Donald Mifsud tilef lill-ommu li rabbietu waħedha u spiċċa jgħix waħdu.

Ibati mill-kundizzjoni rari Ataxia li taffettwalu t-taħdit, il-mobbiltà u l-koordinazzjoni.

Iżda Donald, minkejja li m’għandu lil ħadd, dejjem issibu bi tbissima u fl-aħħar snin dar waħdu 64 pajjiż madwar id-dinja.

“Jisimha Ataxia, fin-nervituri, taffettwali meta ntella’ tazza … ma ntellagħhiex … għandi bżonn ‘straw’ u anke nieħu pirmli biex jikkontrollawli l-kundizzjoni”.

Ħdax-il sena ilu, meta kellu biss 23 sena, tilef lill-ommu Sandra bil-kanċer u peress li kien tifel waħdu, imrobbi minn ommu biss, Donald spiċċa waħdu.

Din is-sena tilef ukoll lil zitu, Kathia Vidal, ukoll ta’ eta’ żgħira bħal ommu.

“Ħassejt, tħoss, li mhux se taraha iktar jew hekk, trid taddatta għaż-żminijiet”.

Ftit tas-snin ilu Donald iddeċieda li jrid jesperjenza lid-dinja u beda jsiefer waħdu minkejja d-diżabilità tiegħu.

B’kollox sa issa dar 64 pajjiż mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll pajjiżi f’kontinenti oħra fosthom l-Messiku, il-Brażil, il-Gwatemala, il-Ġordan, il-Palestina, l-Iżrael u Singapore.

Huwa ddeskrivilna uħud mill-esperjenzi tiegħu.

“Qsamt lejn l-Estonja u Belarus, Ażerbajġan u Georgia … u le ma nibżax qas xejn, nitla’ bil-‘backpack’ u hekk”.

Minħabba l-Covid, Donald ma sifirx dawn l-aħħar sentejn u issa ħerqan li meta jasal il-mument li jabqad il-passaport u jmur f’pajjiż mbiegħed u jespjerenza kultura oħra.

Minkejja li dejjem waħdu, Donald jgħid li waqt li jieħu gost isir jaf nies ġodda minn kull pajjiż, il-kumpannija tiegħu ma dejjqu xejn, anzi jħossu ferħan.

Huwa qal li jrid jagħti kuraġġ lil min forsi iħossu waħdu biex iħobb iktar lilu nnifsu u japprezza dak kollu li għandu flok joqgħod jaħseb f’dak li m’għandux.

“Ma tridx taqta’ qalbek, il-ħolm li jkollok wettqu”, żied jappella Mifsud.