Lokali
Għandu jiġi kkunsidrat l-użu tal-GPS fuq il-persuni bid-dimensja?

Għall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, id-dimensja hija prijorità tas-saħħa pubblika u l-għadd ta’ persuni, l-aktar anzjani li jbatu minn din il-kundizzjoni qiegħed dejjem jiżdied.

TVM tkellem mal-Professur Charles Scerri li hu riċerkatur ewlieni dwar id-dimensja u jissuġerixxi li għandha ssir diskussjoni dwar l-użu tal-GPS minn dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni.

Id-dimensja hija kundizzjoni meta persuna tibda tinsa, speċjalment l-aktar affarijiet riċenti li tkun għamlet u toħloq diffikultajiet biex wieħed jagħmel l-attivitajiet ta’ kuljum, inkluż biex tikkomunika u tieħu d-deċiżjonijiet.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tistma li mal-ħamsin miljun persuna fid-dinja għandhom id-dimensja, u kull sena jinstabu qrib l-għaxar miljun każ ġdid. F’Malta hu stmat li madwar żewġ persuni minn kull mija – ftit iktar minn sebat elef b’kollox – għandhom din il-kundizzjoni.

Il-professur Charles Scerri, li rriċerka dwar id-dimensja, qal li għal kull persuna bid-dimensja hemm bejn tlieta u erbgħa oħra li qed imissu mal-kundizzjoni.

”Imbagħad meta tagħmel dan it-total kollu naħsbu li għandna mal-25,000 li qed imissu ma’ dan il-fenomenu llum il-ġurnata u li dawn in-nies ħa jikbru. Aħna nikkalkulaw li sas-sena 2050 n-numru ta’ nies bid-dimensja ħa jaqbeż it-13,000 u naturalment in-numru ta’ nies li jieħdu ħsiebhom jew huma affettwati indirettament ħa jikber ukoll.”

Żied jgħid li ftit aktar min-nofs il-persuni bid-dimensja jesperjenzaw ukoll l-isfida li spiss jitilfu l-orjentazzjoni ta’ fejn ikunu u b’konsegwenza jintilfu. Qal li s-supervizjoni f’dawn iċ-ċirkostanzi hija kruċjali fosthom b’tibdil fid-dar permezz ta’ alarm mal-bieb ta’ barra u anke bl-użu tal-GPS.

”Hawn jidħlu mbagħad l-advanced directives li nixtieq li hawn Malta jiġu diskussi iktar fejn il-persuna tagħti ċertu direzzjonijiet lill-membri tal-familja tagħha qabel ma tkun f’pożizzjoni minħabba l-kundizzjoni tagħha u ma tkunx tista’ teħodhom, pereżempju li tgħidilhom li qabel mal-kundizzjoni tidħol ‘il ġewwa ma tkunx tista’ tgħidilhom aktar ‘il quddiem li ma ssibx problema pereżempju bil-GPS u hekk il-familjari jkunu jistgħu jserrħu rashom li għallinqas il-persuna kienet se tieħu dik id-deċiżjoni kieku l-istat ta’ fatt tal-kundizzjoni tagħha mhuwiex dak li hu.”

Il-Professur Scerri spjega li n-nuqqas ta’ memorja riċenti hija dejjem l-ewwel indikatur li persuna għandha d-dimensja iżda għamilha ċara li mhux kull problema fil-memorja hija dimensja u għalhekk dejjem għandu jittieħed parir professjonali. Id-dimensja tolqot l-aktar lill-anzjani imma mhux biss. Il-Professur żied li għalkemm ma titfejjaqx, jekk tinqabad kmieni d-dimensja tista’ tiġi kkontrollata.