Għaqdiet jipproponu taxxa ambjentali fuq it-tniġġis mill-vapuri

Filwaqt li kibret il-kuxjenza dwar il-ħsara tal-emissjonijiet fuq l-art, sal-lum għad m’hawnx għarfien dwar l-emissjonijiet iġġenerati mill-vapuri, speċjalment fiż-żoni tal-portijiet. Studju ta’ xjentist Ġermaniż wera livell ogħli ta’ tniġġiż mill-vapuri fiż-żona tal-Port il-Kbir. Dan hekk kif tħabbret inizjattiva minn għaqdiet ambjentali fil-Mediterran biex jiġi kkontrollat it-tniġġiħ mill-vapuri.

Birdlife Malta ingħaqdet ma’ għaqdiet oħra Ewropej mill-Italja, Franza, Spanja, l-Greċja u l-Ġermanja fi proġett “Flimkien Kontra t-Tniġġiż tal-Arja mill-Vapuri”, li għandu l-għan li jqajjem għarfien dwar it-tniġġiż fl-arja, speċjalment fiż-żoni tal-port, li jiġi ġġenerat mill-vapuri li hafna minhom juza l-heavy fuel oil.

Dr Axel Friedrich, xjentist Ġermaniz bi kredenzjali qawwija fuq it-tniġġiż, għamel testijiet fil-Belt Valletta u fil-Birgu u għalkemm ma nzertax movimenti mil-cruiselines xorta sab traċċi ta’ kwantità kbir ta’ trab fin fl-arja mill-movimenti ta’ vapuri iżgħar. Dr Friedreich qal li l-livell li nstab fuq il-baħar kien ferm aktar ogħla min dak aċċettabbli fit-triq. Żied jgħid li dan iżid ir-riskju ta’ mard.

Ir-riżultati tat-testijiet ġew ippreżentati f’konferenza tal-aħbarijiet li fih ġie spjegat li barra l-effetti fuq is-saħħa, l-emissjonijiet jagħmlu ħsara ambjentali, inkluż l-effett fuq it-tibdil fil-klima u anke ħsara fil-bini, inkluż dak storiku.

Dr Friedrich qal li dan t-tniġġiż jista’ jitnaqqas b’diversi modi, fosthom billi issir taxxa ambjentali ħalli l-vapuri jkunu mħeġġa jużaw fuel li jniġġeż inqas. Qal li ħafna vapuri huma attezzati u diġà jagħmlu dan f’ċerti portijiet fit-Tramuntana tal-Ewropa fejn l-emissjonijiet huma kkontrollati.

BirdLife Malta għamlitha ċara li bl-ebda mod ma trid tagħmel ħsara lill-industrija tal-cruiseliners li fl-aħħar sitt snin żdiedet b’16% fil-gżejjer Maltin, imma flimkien ma’ għaqdiet Mediterranji oħra trid tqajjem għarfien fuq l-impatt li qed tħalli din l-industrija u turi li bħal ma diġà jsir f’pajjiżi oħra, anki fil-baħar Mediterran, l-emissjonijiet jistgħu jiġu kkontrollati.