Ambjent
Għaqdiet jitolbu lill-ERA ssewwi l-ħsara ambjentali li saret f’Wied Qirda

Il-Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, il-kunsillier lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ Steve Zammit Lupi u l-Professur Arnold Cassola f’azzjoni legali talbu lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi biex tirrispetta l-liġi u r-regolamenti ambjentali, u ssewwi l-ħsara ambjentali li saret f’Wied Qirda.

Huma talbu lill-ERA tistabbilixxi min huwa personalment u direttament responsabbli għal dawn ix-xogħlijiet u qalu li l-ħsara ambjentali li saret m’għandiex titħallas bi flus il-poplu waqt li ippuntaw subgħajhom lejn il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructe Malta li qalu għandu jinżamm responsabbli għar-rovina li qalu saret.

Dan ġab reazzjoni immedjata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li qalet li qed issegwi mill-qrib ix-xogħlijiet biex fi kliemha tassigura l-ħarsien ta’ dawn l-inħawi ta’ importanza naturali.

Fi stqarrija intqal li f’kull stadju tax-xogħlijiet qed tara li intużaw metodi li ma jkunux ta’ dannu għas-sosteniblità ambjentali.

L-ERA qalet li l-Ordni ta’ Waqfien u Infurzar li ħarġet f’Novembru li għadda ma kinitx maħsuba biex twaqqaf ix-xogħlijiet permessi mil-liġi, iżda biex titlob li tkun infurmata fuq il-metodoloġija tax-xogħlijiet biex tassigura li jkun hemm l-inqas impatt fuq l-ambjent tal-inħawi. L-Awtorità qalet li ħarġet l-Ordni biex taċċerta ruħha li xogħol ieħor f’dawn l-inħawi jitwettaq skont il-pjani maqbul magħha.