Għawdex
Għaqdiet tan-negozjanti mħassbin bit-tip ta’ żvilupp li qed isir f’Għawdex

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija esprimew it-tħassib tagħhom għall-mod kif qed isir l-iżvilupp f’Għawdex.

Fi stqarrija konġunta huma ddikjaraw li r-rata preżenti ta’ dak li sejjħu bħala “żvilupp żejjed xprunata mill-‘policies’ eżistenti” jeħtieġ li terġa’ tiġi maħsuba mill-ġdid.

Iż-żewġ għaqdiet talbu li jkun hemm linji gwida ta’ disinn li jirrispettaw il-kuntest tal-irħula u nsistew li Għawdex għandu jservi ta’ “inkubatur” għall-provi biex imbagħad il-‘policies’ jiġu implimentati fuq bażi nazzjonali.

Huma lmentaw ukoll li numru ta’ djar li għandhom jiġu kkonservati qed jitwaqqgħu biex minflokhom jitilgħu blokki ta’ appartamenti.

L-għaqdiet issuġġerew li l-industrija tal-proprjetà u l-kostruzzjoni tkun inċentivata biex timxi lejn żvilupp sostenibbli.