Lokali
Għaqdiet u l-AD jiddeskrivu t-tibdil propost fil-liġi tal-kera bħala pass ‘il quddiem

Għaqdiet tas-soċjetà ċivili li fi Frar li għadda għamlu proposti dwar is-suq tal-kera laqgħu tajjeb il-white paper, waqt li ddikjaraw li ser jagħmlu aktar proposti speċifiċi biex jidħlu fil-liġi dwar il-kirjiet. Anke l-Alternattiva Demokratika sejħet il-white paper bħala pass ‘il quddiem, għalkemm uriet xi riservi fuq il-proposta dwar meta sid il-propjetà jista jtemm il-kirja qabel iż-żmien.

Il-koalizzjoni ta’ 20 għaqda mhux governattiva laqgħet il-White Papaer dwar is-suq tal-kera u nnotat li bosta proposti li għamlet fi Frar li għadda ntlaqgħu. Il-kelliema tal-koalizzjoni fissru d-dokument bħala pass pożittiv iżda qalu li fadal ħafna iżjed xi jsir.

Andre Callus mill-Moviment Graffiti qal li l-ġungla tas-suq tal-kera mhix ser tissolva b’White Paper u nsista li l-koalizzjoni tixtieq tara li l-kuntratti tal-kera jkunu mhux inqas minn tlett snin u l-Gvern joffri inċentivi fiskali lil min jagħti kuntratt tal-kera li ikun aktar fit-tul.

Fost oħrajn, il-koalizzjoni qalet li taqbel li s-sidien ikollhom il-possibilità li jżidu l-kera skont mekkaniżmu stabbilit b’ċerti limitazzjonijiet. Il-koalizzjoni tas-soċjetà ċivili ħeġġet biex il-kirja ma togħliex b’aktar minn 10 fil-mija meta jiġġedded il-kuntratt. Qalet ukoll li għandu jkun hemm sanzjonijiet qawwijin għas-sidien li jikru post mingħajr kuntratt validu.

F’konferenza tal-aħbarijiet oħra, Alternattiva Demokratika fissret il-proposti fil-White Paper dwar is-Suq tal-Kera bħala pass ‘il quddiem, u qalet li jekk jiġu implimentati se jservu biex joħolqu stabbilità fis-suq bi protezzjoni kemm tal-inkwilini kif ukoll tas-sidien.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Bormla, iċ-chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo qal li r-regolamentazzjoni taħdem jekk ikun hemm ukoll akkomodazzjoni soċjal adegwata. Qal li kien wasal iż-żmien li jkunu regolati d-depożiti li jintalbu bil-quddiem biex jagħmlu tajjeb bħal f’każ ta’ ħsarat jew kontijiet mhux imħallsa.

Il-perit Cacopardo qal li Alternattiva Demokratika ma taqbilx li s-sid jista’ jxolji kuntratt qabel iż-żmien biex kif imsemmi fil-White Paper, jagħmel użu minnu hu jew qraba tiegħu, biex ibigħu jew għall-iżvilupp. Argumenta li dawn jistgħu jkunu raġunijiet validi biex kirja ma tiġġeddidx imma mhux biex tkun terminata qabel il-waqt.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Filmat li ttella’ fuq il-midja soċjali juri karozza tal-Pulizija tinħasel bil-konkos minn trakk tar-ready-mix. L-inċident seħħ fil-Marsa, direzzjoni lejn Raħal Ġdid, iżda f’dan l-istadju għadu mhux ċar meta u fi…

Politika

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca żvelat li sena ilu, fl-eqqel tad-dibattitu dwar l-emendi għal-liġi tal-IVF, hija għenet biex id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jikkonvinċi ruħu bl-argumenti tas-soċjetà ċivili kontra l-introduzzjoni tat-tqala…

Parlament

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi f’taħditiet mal-esperti tal-Moneyval fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa jemmen illi l-Gvern jasal biex jagħti riżultat tajjeb lil Malta fejn tidħol il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Huwa…

Aktar