Lokali
Għaqdiet volontarji fosthom il-każini tal-banda bi sfidi kbar biex jibqgħu għaddejjin

Għaqdiet volontarji li d-dħul tagħhom hu bbażat l-aktar fuq l-attivitajiet li jorganizzaw matul is-sena qed jaffaċċjaw sfidi kbar biex jibqgħu għaddejjin. Fost dawn hemm il-każini tal-banda li mhux biss spiċċaw mingħajr festi, imma anke mingħajr introjtu. Minkejja dan, ħafna minnhom baqgħu jgħallmu l-mużika b’mod virtwali u mingħajr ħlas.

Il-Gvern irrikonoxxa l-isfidi kbar tal-każini li jgħoddu mad-disgħin u tmenin b’għotja finanzjarja ta’ ftit aktar minn elfejn u mitejn ewro kull wieħed.

Bil-festi mħassra u l-każini magħluqa, is-soċjetajiet mużikali wkoll ħadu daqqa ta’ ħarta kbira minħabba l-effetti tal-pandemija bl-introjtu tagħhom jisfaxxa.

Ħafna minnhom iżda komplew jgħallmu l-mużika lill-alljievi tagħhom b’mod virtwali.

Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Dr Noel Camilleri qal li fl-aħħar ġimgħat l-għaqda ltaqgħet mar-rappreżentanti tad-disgħin u tmenin każin membru, u nnutaw li wħud minnhom qed jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji kbar u mistennija jdumu ħafna biex jirkupraw.

“Għalhekk qed nagħmlu eżerċizzju mal-membri tagħha biex nieħdu stokk tal-ispejjeż li għandhom u tan-nuqqas ta’ dħul li għandhom għax hemm ċertu każini li għandhom self u servizzi x’iridu jibqgħu jħallsu.”

Bil-għan li jagħti nifs lil dawn is-soċjetajiet mużikali u fl-istess waqt jirrikonoxxi l-ħidma soċjo-kulturali u volontarja tagħhom, il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna approva għotja ta’ ftit inqas minn kwart ta’ miljun ewro lill-Għaqda Każini tal-Banda li se titqassam b’mod indaqs fost il-każini fi ħdanha.

“Il-kontribut tagħhom fil-villaġġi u l-ibliet ta’ Malta hija kbira u ta’ min moralment u finanzjarjament nuru rikonoxximent tax-xogħol li qed jagħmlu u din l-għotja ta’ mitejn elf ewro mill-fond tmur biex tilħaq dak l-iskop.”

Bil-għan li jirċievu l-għotja finanzjarja, il-każini tal-bands jridu jibgħatu ittra bid-dettalji tagħhom sat-13 ta’ Mejju waqt li l-ħlasijiet se jsiru sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Intant, l-Għaqda Każini tal-Banda għadha kif rebħet il-premju għall-arti b’rikonoxximent għas-sehem tagħha fil-ħarsien tal-wirt artistiku.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Ħames għaqdiet sportivi Għawdxin ibbenefikaw mis-somma ta’ €20,750 mill-isports scheme biex iwettqu l-proġetti tagħhom din is-sena. L-għaqdiet li bbenfikaw huma: Għajnsielem Redcoats, li ngħataw is-somma ta’ €5,000 bit-titlu tal-proġett ‘Sizzling…

Lokali

L-Aġenzija Identity Malta dalwaqt se tibda toħroġ karta tal-identità ġdida li se jkollha karatteristiċi ġodda ta’ sigurtà li jħarsu l-identità tal-persuni. Il-karatteristiċi l-ġodda jagħmluha diffiċli li d-dokument jiġi mbagħbas jew…

Infrastruttura

Minn din il-ġimgħa l-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu jistgħu jieħdu lil uliedhom jilagħbu fil-grawnd tal-binja ‘The Meeting Place’ fil-Marsa. Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, qalet li t-tfal bl-awtiżmu se jkollhom post…

Aktar